Minn Cristian Muscat
Bejn illum u għada tintlagħab is-seba’ ġurnata tal-Malta Premier League hekk kif l-aqwa partita hija bejn żewġ timijiet fin-naħa ta’ fuq tal-klassifika … il-leaders Hibernians u Hamrun Spartans li huma distakkati b’żewġ punti.
Din is-seba’ ġurnata hija r-raba’ waħda fi spazju ta’ ġimagħtejn … b’konġestjoni ta’ 24 partita li fihom kull team lagħab erba’ logħbiet … bil-konsegwenza li l-players dehru maħkumin minn għejja kbira u għaldaqstant f’xi drabi ma setgħux jipproduċu l-aqwa potenzjal tagħhom.
Partita oħra interessanti hija dik bejn Marsaxlokk u Birkirkara li xejn għajr minn rebħa ma tissodisfa l-kriterji taż-żewġ timijiet.
Valleta u Sliema Wanderers jibdew favoriti netti li jiksbu t-tliet punti kontra Tarxien Rainbows u Naxxar Lions rispettivament filwaqt li Floriana għandhom partita delikata kontra Mosta li jinsabu fil-bżonn tal-punti.
Il-partita bejn Zabbar St Patrick u Gzira United hija waħda diretta fin-naħa t’isfel tal-klassifika.
Hamrun S. v Hibernians – Din il-logħba għandha tiġbed l-akbar attendenza tal-istaġun s’issa minħabba li hija waħda diretta li se tikkundizzjona n-naħa ta’ fuq tal-klassifika.
Dan minħabba li jekk il-leaders Hibernians jegħlbu lil Hamrun Spartans, huma jsaħħu l-quċċata filwaqt li jiftħu vantaġġ ta’ ħames punti fuq l-istess Spartans.
Fatt importanti huwa li l-Ħamruniżi jridu joħorġu rebbieħa minħabba li mill-ġimgħa d-dieħla huma se jkunu mpenjati fil-Fażi tal-Kampjonat tal-UEFA Conference League.
Filwaqt li l-isem ta’ Hamrun Spartans se jpoġġi lil Malta fuq il-mappa tal-football Ewropew, bla dubju din il-parteċipazzjoni se tkun ta’ distrazzjoni fil-kampjonat Malti u għaldaqstant wieħed irid jara jekk il-coach Giacomo Modica se jkunx kapaċi jagħmel ir-rotazzjonijiet ġusti minn partita għal oħra.
Intant, dawn iż-żewġ timijiet ġejjin minn rebħa u mistennija wkoll jinżlu bl-aqwa formazzjoni possibbli … bl-eċċezzjoni ta’ Pedro Henrique Nunes Silva li huwa sospiż għall-Pawlisti.
Mosta v Floriana – Floriana li jinsabu fit-tieni post tal-klassifika, għandhom partita delikata kontra Mosta li minkejja li qed jagħtu sfida denja lil kull avversarju r-riżultati tagħhom huma ferm diżappuntanti, tant, li jinsabu fid-disa’ post tal- klassifika bil-biżgħa li jistgħu jinqabdu fil-ġlieda kontra r-relegazzjoni.
Fl-aħħar logħba, wara li fetħu l-iskor kontra Valletta, huma sofrew erba’ goals mingħajr risposta.
Min-naħa tagħhom, Floriana, jinżlu għal din il- logħba b’moral għoli hekk kif ġejjin minn rebħa ta’ 3-1 fuq Zabbar St Patrick.
Huwa se jkollhom jgħaddu mingħajr is-servizzi ta’ Mattia Veselji li jkun qed jiskontra t-tielet u l-aħħar sospensjoni.
Tarxien R. v Valletta – Valletta jiffaċċjaw lil Tarxien Rainbows li jinsabu fit-tmien post tal-klassifika u għaldaqstant jibdew ukoll favoriti li jiksbu t-tliet punti.
Dan minħabba li bħalissa għaddejjin minn forma brillanti, tant, li fl-aħħar ħarġa rkupraw minn żvantaġġ biex għelbu lil Mosta bl-iskor ta’ 4-1.
Il-Lilywhites jittamaw li Hibernians u Hamrun Spartans itemmu fi draw filwaqt li Floriana jfallu kontra Mosta biex jitilgħu waħedhom fil-quċċata.
Min-naħa tar-Rainbows, dawn ġejjin minn telfa ta’ 3-1 kontra l-ġirien Hibernians.
Sliema W. v Naxxar L. – Sliema Wanderers, li jinsabu fil-ħames post tal-klassifika, jiltaqgħu kontra Naxxar li huma ankrati fil-qiegħ tal-klassifika b’punt wieħed biss minn sitt partiti.
Għaldaqstant, il-Wanderers jibdew favoriti kontra team li jidher li se jkun involut fil-ġlieda għas-salvazzjoni. Peró, il-Blues iridu juru rispett massimu lejn in-Naxxarin li jkunu qed jimmiraw li jwettqu sorpriża.
Zabbar SP v Gzira U. – Din hija logħba diretta li tirrigwardja n-naħa t’isfel tal-klassifika u li rebħa hija mperattiva għaż-żewġ timijiet … li tkun tfisser ftit ossiġenu fit-tentattiv li jibdew jinqalgħu miż-żona l- ħamra
Iż-żewġ timijiet ġejjin minn telfa – Zabbar kontra Floriana u Gzira kontra Sliema Wanderers.
Inċidentalment huma qed jaqsmu l-post ta’ qabel l- aħħar bi tliet punti.
Marsaxlokk v Birkirkara – Din il-logħba hija bejn żewġ timijiet li qed jaqsmu l-ħames post.
Marsaxlokk u Birkirkara għandhom objettiv ewlieni – filwaqt li l-Karkariżi jimmiraw għat-tielet rebħa konsekuttiva, ix-Xlukkajri jimmiraw li jevitaw it-tielet telfa nfila.
Iżda wieħed irid jgħid ukoll li Marsaxlokk ma kienx ħaqqhom joħorġu b’idejhom vojta fit-telfa ta’ 2-0 kontra Hamrun għax taw daqskemm qalgħu … u sofrew it-tieni goal minn penalty ineżistenti.