Minn Cristian Muscat
Mil-lum sa nhar it-Tnejn li ġej, tintlagħab it-tmien ġurnata tal-Closing Round hekk kif il-klassifika qed tieħu x- xejra tagħha fejn jidher li hemm taqtiegħa fuq tliet fronti – min se jispiċċa fil-quċċata, min se jikkwalifika mat-Top Six u l-ġlieda għas-salvazzjoni.
Dan minħabba li fit-tieni fażi ta’ dan ir-round, il-punti jibqgħu jinżammu.
L-aqwa partita ta’ dan il-programm hija dik bejn Hamrun Spartans u Marsaxlokk li jinsabu fit-tieni u fit-tielet pożizzjonijiet rispettivament.
Il-leaders Floriana jaffrontaw lil Hibernians filwaqt li Valletta jilagħbu kontra Sliema Wanderers.
Bla dubju, dawn l-erba’ timijiet iġibu magħhom nostalġija kbira meta kienu jiddominaw il-football Malti meta kien għadu jintlagħab fl-Empire Stadium … indurati bi players straordinarji li llum lanqas ħadd joħlom bihom!!
Birkirkara għandhom partita delikata kontra Zabbar St Patrick li f’dawn l-aħħar ġimgħat dehru trasformati.
Gzira United u Naxxar Lions li qed jisfidaw biex jikkwalifikaw mat-Top Six jaffrontaw lil Mosta u Tarxien Rainbows li qed jissieltu kontra r-relegazzjoni.
Hamrun S. v Marsaxlokk – Dan għandu jkun konfront klassifiku bejn żewġ timijiet li jinsabu pass wara l-leaders Floriana.
Filwaqt li Hamrun Spartans ġejjin minn rebħa ta’ 1-0 fuq Hibernians, Marsaxlokk ġejjin minn draw ta’ bla goals kontra l-Greens.
Rebħa għall-Ispartans tista’ tarahom jaqbżu fl-ewwel post jekk Floriana jitilfu kontra Hibernians filwaqt rebħa għal Marsaxlokk tarahom jaqbżu lill-istess Spartans.
Iżda x-Xlukkajri jridu jkunu fl-aqwa tagħhom kontra team li ilu ma jitlef għal dawn l-aħħar 10 partiti u ilu ma jsofri goal għal dawn l-aħħar sitt logħbiet.
Kull team għandu player li se jirritorna minn sospensjoni – N’Dri Koffi għal Hamrun u Enrico Pepe għal Marsaxlokk.
Fl-ewwel fażi, kull team rebaħ partita – Hamrun bl-iskor ta’ 2-0 u Marsaxlokk bl-iskor ta’ 3-1.
Floriana v Hibernians – Floriana jiltaqgħu kontra Hibernians li ġejjin minn draw u żewġ telfiet u għaldaqsant rebħa hija mperattiva biex jevitaw li jirrepetu d-diżappunt li kellhom u jikkuntentaw bil-Bottom Six fl-Opening Round
Min-naħa tagħhom, Floriana jridu joħorġu bit-tliet punti biex isaħħu l-ewwel post.
Hibernians se jkollhom jgħaddu mingħajr is-sospiż, Lucas Caruana filwaqt li jirritorna Charleston Silva Dos Santos. Floriana se jkunu msaħħa bir-ritorn ta’ Zachary Scerri.
Fl-ewwel fażi Floriana rebħu bl-iskor ta’ 1-0.
Birkirkara v Zabbar SP – Birkirkara jiffaċċjaw lil Zabbar St Patrick li ġejjin minn żewġ draws ta’ 0-0 kontra Hamrun Spartans u Valletta rispettivament.
Min-naħa tagħhom, anke Birkirkara ġejjin minn żewġ draws – kontra Mosta (0-0) u Sliema Wanderers (1-1).
Fil-partita preċendenti, Birkirkara kienu ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-0.
Tarxien R. v Naxxar L. – Minkejja l-pożizzjonijiet differenti u d-differenza ta’ sitt punti, dan il-konfront għandu jitqies bħala wieħed bilanċjat.
Naxxar għandhom lil Joao Vitor Moura Cardoso u lil Gabriel Costa Goncalves sospiżi.
Iż-żewġ timijiet rebħu partita kull wieħed – Tarxien 3-2 u Naxxar 1-0.
Valletta v Sliema W. – Din hija partita bejn żewġ ġganti tal-football Malti fejn xejn għajr minn rebħa ma tissodisfa l-kriterji taż-żewġ naħat biex jagħmluha mal-ewwel sitta.
Valletta għandhom lil Diego Paiber sospiż.
Fiż-żewġ partiti, il-Wanderers kienu rebħu 2-1 bl-oħra tispiċċa fi draw ta’ 1-1.
Gzira U. v Mosta – Din hija logħba bejn żewġ timijiet li ġejjin minn telfa … Gzira 4-2 kontra Naxxar u Mosta 1-0 kontra Tarxien Rainbows.
Mosta se jkunu mingħajr is-sospiż Pedro Augusto Cacho Alves Da Silva.
Fiż-żewġ partiti Gzira rebħu 4-3 u 1-0.

