Saturday, September 20, 2025

Malta Premier League: Sliema W. v Valletta tisraq ix-xena

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Bejn illum u għada tintlagħab il-ħames ġurnatal-Malta Premier League fejn il-konfront bejn ir-ri­vali eterni, Sliema Wanderers u Valletta huwa l-aqwa wieħed ta’ tmiem il-ġimgħa. 

Iċ-champions Hamrun Spartans jiltaqgħu kontra Gzira li jinsabu fin-naħa t’isfel tal-klassifika.

Min-naħa tal-leaders Mar­saxlokk, jaffrontaw lil Floriana filwaqt li Hiber­nians jibdew favoriti li jiksbu t-tliet punti meta jilagħbu kontra t-team ta’ qiegħ il-klassifika, Naxxar Lions.

Partita oħra interessanti hija dik bejn Birkirkra u Mosta li bejniethom hemm biss differenza ta’ punt fin-naħa t’isfel tal-klassifika.

Il-konfront bejn Tarxien Rainbows u Zabbar St Patrick huwa meqjus bħala wieħed dirett li jirrigwardja l-ġlieda kontra r-relegazzjoni.

Sliema W. v Valletta – Din hija partita bejn żewġ timijiet meqjusa bħala ġganti tal-football Malti u għaldaqstant titqanqal ir-rivalitá li kienet teżisti bejn is-snin ħamsinijiet u s-sebgħinijiet fejn iż-żewġ timijiet kienu armati bi players li llum huma meqjusa bħala leġġendarji.

Sfortunatament il-football domestiku nbidel fejn it-talent Malti qed imut mewta naturali minħabba li l-players Maltin qed jingħataw il-ġenb biex jagħmlu wisgħa lil dawk barranin li nofshom ma jku­nux tal-livell mistenni.

Intant, iż-żewġ timijiet kienu nvoluti sew fis-suq tat-trasferiment tas-sajf biex saħħew l-iskwadra tagħ­hom.

U filwaqt li Valletta qed jaqsmu t-tieni post, Sliema Wanderers jinsabu punt warajhom.

Valletta ġejjin minn reb­ħa ta’ 2-0 fuq Floriana, l-ewwel waħda f’ħames snin, u għaldaqstant jinżlu b’mo­ral għoli kontra s-Slimiżi li ġejjin minn draw ta’ 2-2 kontra Birkirkara wara li fetħu vantaġġ ta’ żewġ goals.

Inċidentalment kemm Valletta (2) kif ukoll Sliema (1) gawdew minn superjo­ritá numerika kontra Floria­na u Birkirkara rispettivament.  

Hamrun S. v Gzira U. – Hamrun Spartans jimmiraw li jirreġistraw it-tielet rebħa konsekuttiva meta jiltaqgħu kontra Gzira United li jinsabu fil-post ta’ qabel l-aħħar minn erbgħa partiti b’żewġ punti biss.

Fil-veritá, s’issa l-Maroons iddiżappuntaw bil-kbir meta kellhom aspettattivi għoljin bl-akkwisti li għamlu fis-suq tat-trasferimenti.

Huma ġejjin minn telfa ta’ 2-0 kontra Marsaxlokk li fiha kellhom lill-coach, Clive Mizzi, sospiż li iżda, issa se jirritorna fuq il-bank jidderieġi lit-team kontra ostaklu mill-aktar diffiċli.

Marsaxokk v Floriana – Dan huwa konfront delikat bejn żewġ timijiet li qabel l-istaġun kienu meqjusa bħala fost l-isfidanti ewlenin għar-rebħ tat-titlu.

Iżda filwaqt li Marsaxlokk issodaw, Floriana“żarmaw” it-team tant li x-Xlukkajri għandhom żewġ players li fl-istaġun li għadda lagħbu bil-flokk aħdar u abjad u kienu pe­dini importanti.

Dawn huma l-goalkeeper Christoffer Henri Mafoumbi u d-difensur Oualid El Hasni.

Għaldaqstant, il-Greens għaddejjin minn fażi ta’ tranżizzjoni minħabba li l-players barranin li ak­kwistaw għadhom iridu jidraw l-ambjent Malti.

Huma ġejjin minn telfa ta’ 2-0 kontra Valletta li fiha tkeċċewlhom żewġ players, Charles M’Mombwa, fid-disa’ minuta, u Mattia Veselji fit-88 minuta … u għaldaqstant huma sospiżi għal dan il-konfront.

Sospiż għalihom ukoll huwa l-coach Portugiż, Da­niel Portela, wara li tkeċċa fl-imsemmija partita.

Min-naħa ta’ Marsaxlokk, se jinżlu bl-aqwa formaz­zjoni possibbli.

Hibernians v Naxxar L. – Hibernians jibdew bħala favoriti li jakkwistaw it-tliet punti kontra Naxxar Lions li jinsbu fl-aħħar post b’punt wieħed biss.

Il-Pawlisti ġejjin minn draw ta’ 2-2 kontra Mosta f’liema partita kienu dejjem fil-vantaġġ iżda finalment kellhom jikkuntentaw li jieħdu punt … biex fallew żewġ punti bil-konsegwenza li naqsu milli jitilgħu waħedhom f’ras il-klassifika.

Birkirkara v Mosta – Dan huma konfront dirett bejn żewġ timijiet li jinsabu fin-naħa t’isfel tal-klassifika, b’Birkirkara huma l-aktar team li ddiżappunta hekk kif b’mod gradwali qed jinqata’ mit-timijiet ta’ fuq tal-klassifika.

Għaldaqstant, xejn għajr minn rebħa ma tissodisfa l-kriterji tagħhom.

Min-naħa tagħhom, il- Mostin jinżlu b’kuraġġ wara li ġejjin minn draw kontra Hibernians.

Il-Karkariżi se jkollhom jgħaddu mingħajr is-sospiż Kurt Zammti. 

Tarxien R. v Zabbar SP – Tarxien Rainbows jimmiraw li jkomplu jibnu fuq ir-rebħa ta’ 3-2 fuq Naxxar Lions meta jiltaqgħu kontra Zabbar St Patrick liema logħba hija meqjus bħala waħda diretta li tirrigwardja n-naħa t’isfel tal-klassifika.

Min-naħa tagħhom, iż-Żab­barin ġejjin minn telfa kontra Hamrun Spartans.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport