Tuesday, September 23, 2025

Malta Premier League: Tarxien R. u Hibernians iqanqlu r-rivalitá

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Bejn illum u għada tintlagħab is-sitt ġurnata tal-Malta Premier League, b’għadd ta’ partiti mill-aktar interessanti.

Peró, wieħed jinnota li mhijiex normali li l-kampjonat ikollu programm tant iffollat hekk kif fi spazju ta’ ġimagħtejn kull team se jkun lagħab ħames partiti, inklużi dawk ta’ tmiem il-ġimgħa li ġej.

Intant, il-leaders Hibernians ikunu mpenjati fid- derby kontra l-ġirien Tar­xien Rainbows filwaqt li Floriana, li jinsabu fit-tieni post tal-klassifika, jaffrontaw lil Zabbar St Patrick.

Marsaxlokk jiltaqgħu kontra Hamrun Spartans biż-żewġ timijiet jonqsu milli jirbħu fl-aħħar ħarġa tagħhom.

Fid-derby ta’ li Strand, Slie­ma Wanderers jilagħbu kon­tra Gzira United li jin­sabu fil-post ta’ qabel l- aħħar.

Birkirkara, li ġejjin mill- ewwel rebħa, jiltaqgħu kontra Naxxar Lions li għadhom qed ifittxu l-ewwel rebħa filwaqt li Valletta għandhom partita delikata kontra Mosta.

Tarxien R. v Hibernians – Dan huwa konfront bejn iż-żewġ ġirien ta’ Tarxien Rainbows u Hibernians li d-differenza ta’ bejniethom bħalissa hija dik ta’ sitt punti hekk kif il-Pawlisti huma l-leaders assoluti.

Ir-Rainbows jimmiraw għal rebħa meta l-aħħar darba li għamlu dan kontra Hibernians kien fit-23 ta’ Novembru, 2013, bl-iskor ta’ 1-0.

Minn dak in-nhar, iż-żewġ timijiet iltaqgħu 17-il darba oħra bir-Rainbows jiksbu biss żewġ draws.

Floriana v Zabbar SP – Floriana jibdew bħala favoriti li jiksbu rebħa wara li ssuperaw lil Marsaxlokk bl-iskor ta’ 2-1.

Għall-Greens jirritornaw il-coach, Daniel Portela, u l-attakkant Charles M’Mobwa minn sospensjoni iżda Mattia Veselji jibqa’ barra fejn jiskonta t-tieni (minn tlieta) sospensjoni.

Fl-aħħar ħar­ġa tagħhom, iż-Żabbarin fallew żewġ punti fid-draw ta’ 1-1 kontra Tarxien Rainbows hekk kif dehru resqin lejn rebħa. 

Marsaxlokk v Hamrun S. – Din hija partita bejn żewġ timijiet li qed jaqsmu t-tielet pożizzjoni flimkien ma’ Valletta u li t-tnejn naqsu milli jirbħu fl-aħħar dehra tagħhom.

Filwaqt li Hamrun Spartans spiċċaw fi draw ta’ 0-0 kontra Gzira United, Mar­saxlokk kellhom ibaxxu ras­hom quddiem Floriana bl-iskor ta’ 2-1.

Dan għandu jkun konfront kumbattut hekk kif iż-żewġ timijiet ma jaffordjawx jitilfu l-punti.

Sliema W. v Gzira U. – Din il-partita tlaqqa’ liż-żewġ ġirien, Sliema Wanderers u Gzira United, li fil-passat dawn tal-aħħar kienu anke n-’nursery’ tal- Wanderers bi players li trasformaw lilhom infus­hom bħala leġġendarji.

Xejn għajr minn rebħa ma tissodisfa lis-Slimiżi wara li fl-aħħar partita fal­lew żewġ punti proprju fl-aħħar azzjoni tal-logħba kontra Valletta fid-draw ta’ 1-1.

Iżda l-Maroons jimmi­raw li jqumu għall-okkażjoni wara d-draw ta’ 0-0 kontra Hamrun Spartans.

Birkirkara v Naxxar L. – Wara li kisbu l-ewwel reb­ħa tal-istaġun, Birkirkara jibdew bħala favoriti meta jilagħbu kontra Naxxar     Lions li jinsabu fl-aħħar post.

Filwaqt li l-Istripes għelbu lil Mosta bl-iskor ta’ 2-0 b’doppjetta ta’ Franklin Sasere, in-Naxxarin ġejjin minn telfa ta’ 2-0 kontra Hibernians u għaldaqstant iridu jibdew jiġbru l-punti għall-ġlieda kontra r-relegazzjoni. 

Valletta v Mosta  – Valletta li, flimkien ma’ Hibernians u Hamrun Spartans, għadhom mingħajr telfa jiffaċċjaw lil Mosta li bħal donn­hom se jinqabdu fil-ġlieda għas-salvazzjoni u għaldaqstant huwa mperattiv li ma joħorġux b’idej­hom vojta.

Iżda huma se jilagħbu kontra team dinamiku u determinat u għaldaqstant iri­du jkunu fl-aqwa forma tagħ­hom. 

Filwaqt li l-Beltin se jin­żlu għal dan il-konfront bl-aqwa formazzjoni possibbli, il-Mostin għandhom lil Quelmer Hurtado Herrera sospiż.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport