Minn Cristian Muscat
Hekk kif matul dawn it-tlett ijiem tintlagħab il-11 u l-aħħar ġurnata tal-Opening Round tal-Malta Premier League, teżisti possibbiltá li jintlagħbu play-offs biex ikun magħruf is-sitt team biex jikkwalifika mat-Top Six.
Dan minħabba li jekk Hibernians jegħlbu lil Marsaxlokk u Birkirkara jtemmu fi draw kontra Hamrun Spartans (li diġá kkwalifikaw), it-tliet timijiet jilagħbu fi play-offs bejniethom.
Jekk, Birkirkara jegħlbu lil Hamrun u Hibernians jegħlbu lil Marsaxlokk, tintlagħab play-off bejn il- Pawlisti u x-Xlukkajri.
L-erba’ timijiet li diġá kkwalifikaw mal-ewwel sitta jinkludu wkoll lil Valletta, lil Floriana u lil Sliema Wanderers.
Partita oħra mill-aktar interessanti hija dik bejn ir-rivali antiki, Floriana u Sliema Wanderers.
Birkirkara v Hamrun S. – Din hija partita mill-aktar importanti għal Birkirkara fejn xejn għajr minn rebħa ma tissodisfa l-kriterji tagħhom, jekk iridu jikkwalifikaw mat-timijiet elite.
Il-Karkariżi jinżlu b’moral għoli hekk kif ġejjin minn rebħa ta’ 4-0 fuq Tarxien Rainbows fejn jittamaw li Asumah Abubakar Ankrah jerġa’ juri l-istess prestazzjoni fejn skorja l- erba’ goals.
Min-naħa tal-Ispartans, mistennija jagħmlu xi bidliet fit-team minħabba li nhar il-Ħamis se jkunu mpenjati fil-UEFA Conference League kontra Samsunspor, fit-Turkija.
Filwaqt li għal Birkirkara se jirritorna Francisco Lopez Garrone minn sospensjoni, il-Ħamruniżi ma jistgħux jagħmlu użu miż-żewġ players sospiżi Ederon Bruno Domingos u N’Dri Koffi.
Hibernians v Marsaxlokk – Dan huwa konfront dirett bejn żewġ timijiet li qed jaspiraw li jikkwalifikaw fit-Top Six.
Draw jkun biżżejjed għal Marsaxlokk li awtomatikament dan ir-riżultat jixħet lil Hibernians fil-Bottom Six.
Il-Pawlisti ġejjin minn erba’ telfiet konsekuttivi u għaldaqstant iridu jagħrfu kif jirriorganizzaw għal din il-partita hekk importanti.
Huma se jkunu msaħħa bir-ritorn ta’ Bjorn Kristensen u Lucas Villela Iapert minn sospensjoni.
Floriana v Sliema Wanderers – Floriana jaffrontaw lil Sliema Wanderers fejn iridu jpattu għad-diżappunt tat-telfa ta’ 3-1 kontra Hamrun Spartans.
Jekk il-Greens ma jir bħux filwaqt li Valletta jegħlbu lil Zabbar St Patrick, il-Lilywhites jaqbżu waħedhom fil-quċċata.
Min-naħa l-oħra, il-Wanderers, li ġejjin minn rebħa ta’ 3-2 fuq Hibernians, huma konxji li rebħa ttellagħhom punt wieħed biss taħt l-istess Floriana … li għandhom lil Dunstan Vella sospiż.
Valletta v Zabbar SP – Valletta jibdew favoriti netti li jiksbu t-tliet punti kontra Zabbar St Patrick li jinsabu żewġ punti fuq iż-żona l-ħamra.
Il-Beltin ġew miżmuma fi draw ta’ 1-1 minn Gzira United filwaqt li ż-Żabbarin ġejjin minn telfa ta’ 1-0 kontra Marsaxlokk.
Valletta għandhom lil Thaylor Aldama u lil Sava Radic sospiżi filwaqt li Samuel Gomes Da Mata se jkun nieqes għal Zabbar minħabba l-istess raġuni.
Tarxien R. v Mosta – Mosta jimmiraw li jkomplu jibnu fuq ir-rebħa ta’ 3-0 fuq Naxxar Lions meta jiffaċċjaw lil Tarxien Rainbows, li flimkien mal-istess Naxxarin jinsabu fl-aħħar post tal-klassifika.
Peró, ir-Rainbows se jkunu msaħħa bir-ritorn ta’ Rafael Rodrigues Azevedo u Octavio Alexandre Leal de Barros u għaldaqstant jimmiraw li jiksbu l-ewwel rebħa wara nuqqas ta’ sitt partiti.
Gzira U. v Naxxar L. – Gzira United jibdew favoriti meta jiltaqgħu kontra Naxxar Lions li l-indikazzjonijiet tagħhom huma li jistgħu jitilfu l-profil tagħhom fl-ogħla diviżjoni.
Għal Gzira jirritornaw Jork Portocampo u Johan Calderon minn sospensjoni filwaqt li Owen Portelli ta’ Naxxar jibqa’ sospiż.

