Valletta ……….3
Marsaxlokk ….1
Minn Cristian Muscat
Permezz ta’ wirja ferm konvinċenti bi tliet goals fit-tieni taqsima, Valletta għelbu lil Marsaxlokk bl-iskor ta’ 3-1, biex din kienet l-ewwel rebħa staġjonali tagħhom wara żewġ draws konsekuttivi.
Kienu Marsaxlokk li ħolqu l-ewwel periklu fil-21 minuta meta Jorge Ailton Soares minn pożizzjoni ideali ħareġ l-aħjar tal-goalkeeper Brażiljan, Adison Aguero dos Santos, li dawwar f’corner b’mod spettakolari.
Valletta wieġbu fl-34 minuta meta wara li rċieva minn cross mil-lemin, il-veteran Steve Borg, minn taħt il-lasta matter siequ iżda kien ferm sfortunat meta t-tentattiv tiegħu stampa mal-wieqfa.
Fil-ftuħ tat-tieni taqsima il-Beltin ħarġu ferm aggressivi u ta’ dan ġew ippremjati meta fis-47 minuta fetħu l-iskor meta Thaylor Aldama xeħet cross għan-nofs bil-ballun jiġi devjat minn difensur ta’ Marsaxlokk, qabel intemm għand JEFFERSON DE ASSIS li mill-viċjn tefa’ ġewwa.
U jidher li huma ma kinux kuntenti b’dan l-iskor hekk kif erba’ minuti biss wara rduppjaw l-iskor meta reġa’ kien Thaylor Aldama li xeħet cross għan-nofs li din id-darba sab lil YURI DE JESUS MESSIAS li permezz ta’ xutt sabiħ mill-viċin ma ħafirx, biex b’hekk irnexxielu jsib ix-xibka proprju fl-ewwel partita kontra lill-ex team tiegħu.
Iżda Marsaxlokk wettqu reazzjoni mill-aqwa u fit-63 minuta, irnexxielhom inaqqsu l-marġni tal-iskor meta JOSEPH MINALA mill-viċin xeħet fix-xibka.
Valletta wieġbu żewġ minuti wara, u kienu għoddhom skorjaw it-tielet goal meta l-awtur tat-tieni goal, Yuri De Jesus Messias, kellu t-tentattiv tiegħu mill-viċin jintemm ftit għoli.
Fit-92 minuta, Marsaxlokk tilfu ċans tad-deheb li jagħmlu l-iskor indaqs meta s-sostitut, Nevin Portell, minn qagħda ideali tefa’ barra, bil-Beltin jeħilsuha ħafif.
Izda f’botta u risposta, mill-azzjoni li segwiet fuq in-naħa l-oħra tal-pitch, sekondi biss wara, kienu Valletta li skorjaw it-tielet goal biex issiġillaw ir-rebħa meta YANNICK YANKAM mill-viċin tefa’ l-ballun wara l-goalkeeper ta’ Marsaxlokk, Christoffer Mafoumbi, biex b’hekk irnexxielu jiskorja l-ewwel goal tiegħu bil-flokk tal-Lilywhites fost id-dellirju tal-partitarji Beltin.
VALLETTA: 90-Adison Aguero Dos Santos, 4-Steve Borg, 10-Brandon Paiber, 20-Yannick Yankam, 28-Keith Brewer Jr, 44-Neil Anthony Micallef, 50-Yuri De Jesus Messias (8-Andrea Zammit 86), 55-Sava Radic, 77-Thaylor Aldama, 94-Jefferson De Assis, 98-Jackson Mendoza (11-Jake Azzopardi 79) – Coach: Thane Micallef
MARSAXLOKK: 22-Christoffer Mafoumbi, 4-Oualid Del Hasni, 6-Nikolai Muscat, 10-Jose Ulises Arias (99-Majok Ayom 68), 11-Juan Carlos Corbalan, 17-Jorge Ailton Soares (14-Ensell Attard 86), 21-James Vella (23-Triston Caruana 68), 25-Joseph Minala (7-Nevin Portelli 81), 27-Leandro Aguirre, 28-Redon Mihana, 95-Marcelo Barros Santos – Coach: Enzo Potenza
referee: Ezekiel Barbara
ASS. refereeS: Luke Portelli, Kurt Saliba
RABA’ UFF: Slobodan Petrovic
SKORERS: J. De Assis 47, Y. De Jesus Messias 51, Y. Yankam 93 (V), J. Minala 63 (M)
AMMONITI: J. Ulises Arias (M), T. Aldama (V)
PLAYER TAL-LOGĦBA: Thaylor Aldama (V)