Minn Cristian Muscat
F’dawn it-tlett ijiem tintlagħab is-seba’ ġurnata tal-Closing Round tal-Malta Premier League, jew aħjar it-23 waħda tal-istaġun.
Wara li tmiem il-ġimgħa li għadda kien deskritt bħala wieħed tas-sorpriżi, xejn inqas minn sitt timijiet jinsabu fit-tieni pożizzjoni, żewġ punti ‘l bogħod mill-ko-leaders, Floriana u Hamrun Spartans.
Dan wara li ħadd mit- timijiet favoriti ma ħareġ rebbieħ, u meta ninsabu f’nofs triq ta’ din it-Tieni Fażi, kollox huwa possibbli.
Bla dubju, l-aktar partita li tispikka f’dan il-programm hija dik bejn ir-rivali antiki, Sliema Wanderers u Floriana li jġeddu l-memorji meta fiż-żmien l- imgħoddi ddominaw ix-xena domestika minbarra li ssupplixxew għexieren ta’ players li huma meqjusa bħala leġġendarji.
Illum din ir-rivalitá naqset għal kollox hekk kif iż-żewġ timijiet għaddew minn bosta kriżijiet.
Hamrun Spartans jaffrontaw lil Balzan filwaqt li Birkirkara għandhom ostakolu diffiċli meta jilagħbu kontra Zabbar St Patrick.
Hibernians għandhom partita delikata kontra Mosta fejn jimmiraw li jirritornaw għar-rebħ.
Żewġ partiti oħra jlaqqgħu erba’ timijiet li jinsabu fis-sitt pożizzjonijiet tan-naħa t’isfel tal-klassifika.
Dawn ilaqqgħu lil Melita u Naxxar Lions u lil Gzira United ma’ Marsaxlokk b’din il-partita tiftaħ il-programm ta’ tmiem il-ġimgħa.
Sliema W. v Floriana – Sliema Wanderers jilagħbu kontra Floriana f’dak li huwa magħruf bħala l-’Old Firm Derby.’
Iż-żewġ timijiet jimmiraw li jirritornaw għar- rebħ hekk kif is-Slimiżi sfaw megħluba minn Gzira United bl-iskor ta’ 1-0 filwaqt li Floriana temmew fi draw ta’ mingħajr goals kontra Balzan.
Il-pressjoni hija fuq il- Wanderers għall-fatt li xejn għajr minn rebħa ma tissodisfa l-kriterji tagħhom biex itemmu fl-ewwel żewġ postijiet ta’ din il-fażi biex jaqtgħu l-passaġġ għall- possibbiltá li jikkwalifikaw għas-semi-finali.
Sliema se jkunu msaħħa bir-ritorn ta’ Jean Borg minn sospensjoni filwaqt li Floriana ma jistgħux jagħmlu użu mis-sospiż, Dunstan Vella.
Fiż-żewġ partiti preċedenti, iż-żewġ timijiet spiċċaw fi draw ta’ 0-0 filwaqt li l-Floriana rebħu t-tieni waħda bl-iskor ta’ 1-0.
Hamrun S. v Balzan – Wara telfa xejn mistennija ta’ 2-0 kontra Melita, Hamrun Spartans ma jistgħux ifallu kontra Balzan li bħal donnhom ġew trasformati mindu l-coach, Andrew Cohen, ħa r-responsabbiltá tat-team.
Wieħed irid iqis li fis-sitt logħbiet li ntlagħbu d-differenza bejn Hamrun Spartans u Balzan hija dik ta’ erba’ punti biss … u jekk Balzan joħorġu rebbieħa, inaqqsu d-distakk għal punt wieħed biss.
Balzan ma jistgħux jinkludu lis-sospiż Triston Caruana iżda jirritorna Henri Braham Stanic minn sospensjoni.
Fil-partita preċedenti, iż-żewġ timijiet kienu spiċċaw fi draw ta’ 1-1.
Zabbar SP v Birkirkara – Birkirkara se jiffaċċjaw lil Zabbar St Patrick li huma t-team rivelazzjoni ta’ din it-Tieni Fażi.
Il-Karkariżi jridu jkunu fl-aqwa forma possibbli jekk iridu jissuperaw l-isfida taż-Żabbarin.
Filwaqt li l-Istripes ġejjin minn telfa xejn mistennija ta’ 2-1 kontra Naxxar Lions, is-Saints ġejjin minn rebħa ta’ 4-0 fuq Hibernians u għaldaqstant jinżlu għal dan il-konfront b’moral għoli.
Ta’ min isemmi li din kienet l-ewwel rebħa taż-Żabbarin fuq il-Pawlisti fl-istorja tal-football Malti … għalkemm 75 sena ilu, nhar it-30 ta’ Marzu, 1952, Zabbar kienu rebħu l-punti fuq il-mejda wara li l-Pawlisti nstabu ħatja li kienu għamlu użu minn player ineliġibbli fir-rebħa ta’ 8-1.
Iż-żewġ timijiet mistennija jinżlu bl-aħjar formazzjoni.
Fl-Ewwel Fażi Birkirkara rebħu bl-iskor ta’ 1-0.
Hibernians v Mosta – Hibernians iridu jagħrfu kif jirriorganizzaw ruħhom kontra Mosta hekk kif ġejjin umiljazzjoni kontra Zabbar St Patrick.
Fil-veritá, din it-telfa ma tantx għamlitilhom ħsara minħabba l-fatt li ħadd mit-timijiet il-kbar ma ħareġ rebbieħ u għaldaqstant baqgħu fl-isfida biex itemmu fl-ewwel żewġ postijiet. Min-naħa tagħhom, Mosta jimmiraw li jkomplu jibnu fuq is-suċċess ta’ 2-1 li kisbu fuq Marsaxlokk.
Kull team għandu player sospiż – Pedro Henrique Nunes Silva għal Hibs u Prince Afriyie għal Mosta iżda Joao Victor De Souza Teixeira jirritorna għal mosta minn sospensjoni.
Fiż-żewġ partiti preċedenti, Mosta rebħu 1-0 u Hibernians rebħu 3-2.
Gzira Utd v Marsaxlokk – Gzira United jiltaqgħu ma’ Marsaxlokk f’dik li hija meqjusa bħala partita delikata. Iż-żewġ timijiet mistennija jinżlu bl-aqwa formazzjoni.
Fiż-żewġ logħbiet diretti Marsaxlokk rebħu 1-0 bl-oħra tispiċċa fi draw ta’ 0-0.
Melita v Naxxar L.– Dan huwa konfront bejn żewġ timijiet li ġejjin minn rebħa – Melita fuq Hamrun Spartans (2-0) u Naxxar Lions fuq Birkirkara (2-1).
Dawn tal-aħħar għandhom lil Takuma Yamaguchi sospiż filwaqt li Henrique Marcelino Motta jirritorna għal Melita minn sospensjoni.