Malta Public Transport ħabbret servizz speċjali għan-Notte Bianca, l-avveniment kulturali li se jsir nhar is-Sibt 4 ta’ Ottubru 2025 fil-Belt Valletta.
Dan l-avveniment jibdel il-kapitali Maltija f’festival ta’ kultura, mużika u arti, b’eluf ta’ persuni mistennija jattendu għal dan l-avveniment. Malta Public Transport se tkun qed terġa’ tappoġġja dan l-avveniment billi tipprovdi servizzi speċjali fuq 18-il rotta differenti mill-Belt Valletta lejn lokalitajiet differenti f’Malta. Dan barra mir-rotot ta’ matul il-lejl li joperaw ta’ kuljum. Is-servizzi speċjali se joperaw bejn il-11 ta’ filgħaxija u s-2 ta’ filgħodu.
Filwaqt li l-użu tas-servizz se jkun b’xejn bit-Tallinja Card, passiġġieri li m’għandhomx din il-Card jistgħu jixtru biljett ta’ €3 direttament minn fuq tal-linja, u jħallsu b’kontanti jew contactless.
Aktar informazzjoni u aġġornamenti jkunu disponibbli fuq is-sit elettroniku u l-mezzi soċjali ta’ Malta Public Transport kif ukoll Tallinja App.