Malta Public Transport se tkun qed iżżid il-frekwenza tas-servizzi tagħha għall-Karnival, bejn it-13 u l-15 ta’ Frar, biex takkomoda ż-żieda mistennija fid-domanda tal-passiġġieri għaċ-ċelebrazzjonijiet fil-Belt Valletta u fin-Nadur.
Għall-Karnival tal-Belt, bosta rotot li jservu l-kapitali se jitħaddmu għal ħinijiet itwal u bi vjaġġi aktar spissi nhar il-Ħadd, filwaqt li r-rotot li jgħaqqdu maċ-Ċirkewwa, San Pawl il-Baħar u San Ġiljan se jkunu estiżi s-Sibt ukoll.
Se jkun hemm ukoll arranġamenti speċjali għall-Karnival tan-Nadur f’Għawdex, b’servizzi addizzjonali matul tmiem il-ġimgħa. Dawn se jinkludu servizzi b’tal-linja diretti bejn ir-Rabat (Għawdex) u n-Nadur f’intervalli regolari, kif ukoll servizzi ta’ shuttle bejn it-Terminal tal-Imġarr u n-Nadur fil-ħinijiet tal-wasla tal-vapuri. Se jkun hemm ukoll servizzi ta’ ritorn tard bil-lejl lejn il-lokalitajiet kollha ta’ Għawdex permezz tar-rotot 801 sa 806, bl-għan li tkun żgurata konnettività madwar il-gżira kollha wara ċ-ċelebrazzjonijiet.
Ir-rotot dedikati għall-karnival tan-Nadur se jservu x-Xagħra u Marsalforn, ix-Xewkija, Sannat, Munxar u Xlendi, Kerċem u Santa Luċija, San Lawrenz, Għarb, Għasri u Żebbuġ, Għajnsielem u Mġarr, kif ukoll il-Qala.
Ir-rotot speċjali S41 lejn il-Belt u S222 lejn Tas-Sliema se joperaw mit-terminal taċ-Ċirkewwa skont id-domanda.
Dawk kollha li għandhom Tallinja Card personalizzata jistgħu jivvjaġġaw b’xejn fuq is-servizzi ta’ matul il-jum, ta’ matul il-lejl u dawk speċjali. Dawk il-passiġġieri mingħajr Tallinja Card jistgħu jixtru biljett minn fuq tal-linja, bil-prezz ta’ €2 għal vjaġġi ta’ matul il-jum jew €3 għas-servizzi speċjali u ta’ matul il-lejl. Il-passiġġieri jistgħu jħallsu kemm bi flus kontanti kif ukoll contactless.
Aktar dettalji huma disponibbli fuq is-sit tal-Malta Public Transport u l-pjattaformi soċjali tal-kumpanija.

