Malta Public Transport ħabbret it-tnedija ta’ servizz dirett tat-trasport pubbliku, Rotta TD5, li jgħaqqad b’mod aktar mgħaġġel l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta (MIA) u Buġibba fiż-żewġ direzzjonijiet, b’waqfiet f’Ħal-Luqa, Żebbuġ, Rabat u San Pawl il-Baħar.
Rotta TD5, li se tibda topera fis-27 ta’ Lulju, hija servizz kummerċjali Tallinja Direct, introdott lil hinn mill-ftehim eżistenti tal-konċessjoni, u jifforma parti minn ħidma kontinwa biex titjib il-konnettività fin-netwerk tat-trasport pubbliku ta’ Malta. Il-ħlas għas-servizzi ta’ Tallinja Direct huma ta’ €1.50 għal min għandu Tallinja Card personalizzata, €3.00 kull vjaġġ għal min iħallas bi flus kontanti, u huma inklużi fl-Explore Cards imħallsa minn qabel.
Ir-rotot ta’ Tallinja Direct, maħluqa kemm għat-turisti kif ukoll għar-residenti, joffru għażliet ta’ trasport pubbliku aktar konvenjenti tul ir-rotot l-aktar traffikużi tal-gżira, billi jitnaqqas il-bżonn li tintuża aktar minn tal-linja waħda għal vjaġġ wieħed u billi jiġu evitati ċentri urbani maġġuri. L-intoduzzjoni ta’ TD5 se ttaffi wkoll il-piż minn fuq ir-Rotta TD1, li topera bejn l-ajruport u ċ-Ċirkewwa u li d-domanda għaliha dejjem qed tiżdied.
Ir-rotta TD5 se topera sitt vjaġġi matul il-ġimgħa u ħamsa fi tmiem il-ġimgħa bi tluq kull siegħa fiż-żewġ direzzjonijiet. Ir-rotta se titħaddem bl-użu ta’ karozzi tal-linja urbani moderni, li huma mgħammra bi spazju addizzjonali biex il-vjaġġ ikun komdu u spazjuż biżżejjed għall-bagalji.
Malta Public Transport se tkun qed timplimenta wkoll bidliet fuq ir-Rotta 90 (Valletta–Żabbar), b’erba’ vjaġġi addizzjonali filgħodu kmieni biex taqdi l-passiġġieri aħjar. Intant, ir-Rotta 83 (Valletta–Santa Luċija) se titħaddem bħala rotta ċirkolari, biex tissaħħaħ il-kopertura u l-effiċjenza għall-passiġġieri fuq din ir-rotta speċifika.
Għall-iskeda sħiħa u aktar informazzjoni, jekk jogħġbok żur publictransport.com.mt jew niżżel it-Tallinja App b’xejn.