Minkejja d-daqs ġeografiku ċkejken ta’ pajjiżna, Malta kompliet tkabbar ir-reputazzjoni tagħha fix-xena internazzjonali bħala pajjiż li kapaċi jmexxi organizzazzjonijiet ferm kbar u dinjin. Fil-fatt, f’dawn l-aħħar jiem, Malta kkonkludiet b’suċċess il-Presidenza tagħha tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa u għaddiet il-Presidenza f’idejn ir-Repubblika tal-Moldova.
Malta diġà kienet tat prova tal-ħila tagħha biex tassumi rwoli daqstant importanti fit-tmexxija ta’ organizzazzjonijiet bħal dawn. L-esperjenzi riċenti wrew dan kemm waqt il-mandat tagħha fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda kif ukoll waqt il-Presidenza tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa (OSCE).
Tul il-vjaġġ ta’ sitt xhur li matulu Malta mexxiet il-Kunsill tal-Ewropa, irnexxielha tikseb diversi suċċessi u dan għamlitu minkejja li d-dinja qed taffaċċja inċertezzi soċjali, ekonomiċi u ġeopolitiċi li kulma jmur qegħdin ikomplu jiħżienu.
Malta poġġiet diversi prijoritajiet ewlenin tul il-mandat tagħha, li kienu jinkludu l-appoġġ għall-Ukrajna, il-protezzjoni tat-tfal, l-għoti tas-setgħa liż-żgħażagħ, il-ġlieda kontra l-vjolenza u d-diskriminazzjoni, il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem kif ukoll id-djalogu u l-koperazzjoni ġenwina.
Din il-Presidenza wasslet fost oħrajn għall-ftehim storiku li jistabbilixxi t-Tribunal Speċjali dwar ir-Reat ta’ Aggressjoni kontra l-Ukrajna. Saru wkoll numru ta’ laqgħat għolja filwaqt li ġiet organizzata b’suċċess l-ewwel Konferenza Ministerjali tal-Kunsill tal-Ewropa f’Malta għall-Ministri responsabbli għall-protezzjoni tat-tfal.
Barra minn hekk, l-adozzjoni tal-ewwel rakkomandazzjoni dwar id-Drittijiet ta’ Persuni Intersex, il-progress fir-rigward tal-ugwaljanza bejn is-sessi u l-isforzi msaħħa kontra d-diskors ta’ mibegħda u d-diskriminazzjoni enfasizzaw l-impenn tal-organizzazzjoni lejn soċjetajiet inklussivi.
F’dak li għandu x’jaqsam mal-għoti tas-setgħa liż-żgħażagħ, Malta ospitat il-European Youth Work Convention u l-10 Konferenza tal-Ministri responsabbli għaż-Żgħażagħ, li stabbilixxew standards ġodda għall-governanza parteċipattiva.
Waqt il-Presidenza ġie ffirmat ukoll il-Valletta Protocol, pass importanti lejn il-modernizzazzjoni tal-għajnuna legali reċiproka u t-tisħiħ tas-sigurtà kollettiva. Dan filwaqt li Malta ħadmet biex issaħħaħ il-koperazzjoni fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa u ma’ sħab internazzjonali oħra.
Il-kisbiet ta’ dawn kollha, ilkoll jagħmluna kburin li aħna Maltin. U issa, li l-Presidenza tal-Kunsill tal-Ewropa għaddejniha għal għand il-Moldova, ninsabu konvinti li Malta mhux se tieqaf hawn mill-impenji internazzjonali tagħha u se tkompli tkun ta’ appoġġ fejn u meta meħtieġ u tingħaqad ma’ pajjiżi oħra għal dinja u Ewropa aktar b’saħħitha u reżiljenti, li tħares id-drittijiet umani, id-demokrazija, is-sliem u s-saltna tad-dritt.

