Il-Prim Ministru Robert Abela enfasizza li l-Unjoni Ewropea għandha bżonn il-kontribut ta’ Malta u l-Istati membri kollha sabiex tkun kompetittiva f’dak li għandu x’jaqsam mal-industrija globali tas-semikondutturi. Il-Prim Ministru saħaq dan waqt li kien qed jindirizza l- European Forum for Electronic Components and Systems (EFECS), ospitat għall-ewwel darba f’Malta permezz tal-ħidma tal-Malta Enterprise.
“Ewropa kompetittiva teħtieġ li l-Istati Membri kollha, irrispettivament mid-daqs tagħhom, ikunu jistgħu jikkontribwixxu għall-katina tal-valur tas-semikondutturi u jibbenefikaw minnha. Għal din ir-raġuni, Malta ttenni li l-Istati Membri kollha jridu jibbenefikaw mill-Fond Ewropew għall-Kompetittività li jiżgura tkabbir bilanċjat u reżiljenza teknoloġika madwar l-UE kollha”, saħaq Dr Abela.
Huwa irrefera għall-valur u l-ambizzjoni dejjem tikber ta’ pajjiżna fl-industrija tas-semi-kondutturi. L-industrija hi mibnija fuq wirt ta’ 50 sena tal-preżenza tal-STMicroelectronics, li l-operat tagħha kien ċentrali fit-tiswir tal-kapaċitajiet teknoloġiċi u r-reżiljenza industrijali ta’ Malta,” qal il-Prim Ministru.
“Dan is-settur ikompli jagħti kontribut sinifikanti għall-investiment kapitali, l-impjiegi ta’ kwalità għolja, u l-esportazzjoni”, tenna Dr Abela. Il-Prim Ministru Abela nnota li Malta issa tinsab f’mument kruċjali, hekk kif il-pajjiż qed ikompli miexi lejn attivitajiet ta’ valur għoli xprunati mit-teknoloġija u li jagħtu benefiċċji fit-tul. “L-enfasi tagħna hija ċara: li nkomplu nsaħħu l-produttività u niġġeneraw attività ta’ valur ogħla li tissarraf fi kwalità ta’ ħajja aħjar għaċ-ċittadini tagħna,” żied jgħid il-Prim Ministru, b’referenza għall-Malta Vision 2050.
Huwa semma żviluppi riċenti f’dan is-settur fosthom t-twaqqif tal-Malta Semiconductor Competence Centre, biex isaħħaħ l-għarfien u jappoġġja l-innovazzjoni u l-istart-up incubator programme għas-semikondutturi, żviluppat mill-Malta Enterprise bi sħubija ma’ Silicon Catalyst, immirat biex irawwem innovaturi u jattira talent internazzjonali. Il-Gvern qed jifformula wkoll l-Istrateġija Nazzjonali fuq dan il-qasam u li se tkun mibnija fuq konsultazzjoni estensiva inkluż mal-kumpaniji, l-akkademja, u l-imsieħba internazzjonali.
Din l-istrateġija se tiddefinixxi l-prijoritajiet tal-ħidma, tidentifika opportunitajiet emerġenti, u tikkonsolida l-pożizzjoni ta’ Malta. Il-Prim Ministru enfasizza l-potenzjal dejjem jikber ta’ Malta biex isservi bħala ċentru Ewropew għall-manifattura speċjalizzata tas-semi-kondutturi, id-disinn taċ-ċipep, ittestjar, u l-proċessi sostenibbli tas-semi-kondutturi.
Il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u l-Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri sostna li madwar id-dinja, is-semi-kondutturi saru essenzjali għall-ekonomiji tagħna u għall-ħajja tagħna ta’ kuljum. “Malta għarfet dan minn kmieni. Minkejja li m’għandniex riżorsi naturali, bħala pajjiż għażilna li ninvestu f’dan ir-riżors strateġiku tal-futur, u tajna prova li anke nazzjon żgħir, b’direzzjoni ċara, jista’ jkollu rwol sinifikanti fil-kompetittività teknoloġika tal-Ewropa. Illum, din il-viżjoni qed tagħti r-riżultati, u qed insaħħu s-sistemi tagħna biex il-poplu tagħna jkun jista’ jgawdi minn opportunitajiet dejjem aħjar”, stqarr il-Ministru Schembri. Nota fuq EFECS 2025:Malta llum laqgħet lill-mexxejja f’din l-industrija u lir-riċerkaturi għall-edizzjoni tal-2025 tal-European Forum for Electronic Components and Systems (EFECS), avveniment ewlieni annwali ddedikat għat-tisħiħ tat-tmexxijja mill-Unjoni Ewropea fis-semi-kondutturi u l-elettronika avvanzata.
Din il-konferenza mifruxa fuq jumejn, inġiebet f’Malta permezz tal-isforzi proattivi tal-Malta Enterprise, fejn il-pajjiż qed jiġi ppożizzjonat bħala kontributur dinamiku fi ħdan is-settur.L-EFECS isservi bħala pjattaforma ewlenija għall-kollaborazzjoni fost il-partijiet interessati pubbliċi u privati fi ħdan is-settur tas-semi-kondutturi u s-sistemi elettroniċi.
Dan l-avveniment iħeġġeġ id-djalogu, juri l-kisbiet, u jiffaċilita sħubijiet ġodda, bl-objettiv jissaħħu l-awtonomija strateġika, il-kompetittività, u r-reżiljenza tal-Ewropa f’dan is-settur hekk kritiku.


