Saturday, March 22, 2025

“Malta qed taħdem lejn futur fejn is-saħħa mentali tibqa’ tiġi prijoritizzata” – il-Ministru Jo Etienne Abela

Aqra wkoll

Il-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva nieda l-Istrateġija Nazzjonali għall-Prevenzjoni tas-Suwiċidju għall-konsultazzjoni pubblika.

F’konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela, qal kif għalkemm pajjiżna għandu rata baxxa ħafna fejn jidħol suwiċidju, din hi inizjattiva kruċjali mfassla biex tindirizza l-kwistjoni tas-suwiċidju u l-impatt tagħha fuq individwi, familji u komunitajiet.

Il-ministru spjega li l-istrateġija għandha l-għan li tnaqqas l-inċidenza tas-suwiċidju permezz ta’ metodi komprensivi u bbażati fuq l-evidenza li jippromwovu s-saħħa u l-benesseri mentali, itejjeb is-sistemi ta’ appoġġ u trawwem l-impenn tal-komunità.

Din l-istrateġija hija mibnija fuq numru ta’ komponenti ewlenin bil-għan li jiżdied l-għarfien dwar il-ħarsien tas-saħħa mentali u titnaqqas l-istigma; jkompli jingħata taħriġ lill-professjonisti tal-kura tas-saħħa, edukaturi, u l-pubbliku; t-tisħiħ tal-appoġġ permezz tal-istabbiliment ta’ servizzi tas-saħħa mentali aċċessibbli, inkluż l-linja Nazzjonali tas-saħħa mentali 1579 u servizzi ta’ emerġenza; kif ukoll l-involviment tal-komunitajiet fi sforzi ta’ prevenzjoni tas-suwiċidju permezz ta’ kampanji t’għarfien u networks ta’ appoġġ grazzi wkoll għall-miżura b’investiment ta’ €4.5 miljun imħabbra fil-Budget.

Il-Ministru Jo Etienne Abela qal li din l-istrateġija tirrappreżenta sforz impenjat biex tiġi indirizzata l-kwistjoni tas-suwiċidju b’mod dirett, b’fokus fuq il-prevenzjoni, l-intervent, u l-appoġġ. “Permezz ta’ kollaborazzjoni bejn aġenziji tal-gvern, fornituri tal-kura tas-saħħa, komunitajiet, u individwi, Malta qed tkompli taħdem lejn futur fejn is-saħħa mentali tibqa’ tiġi prijoritizzata, u kull persuna tingħata s-setgħa li tfittex l-appoġġ li teħtieġ biex tgħix ħajja sodisfaċenti,” temm jgħid il-ministru.

Il-konsultazzjoni pubblika hija miftuħa sas-16 ta’ Mejju u kull min jixtieq jgħid tiegħu jista’ jagħmel dan fuq publicconsultation.gov.mt jew jibgħat email fuq [email protected].

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport