“Malta tappoġġja bi sħiħ l-Att Ewropew dwar il-Libertà tal-Media u nemmnu illi dan l-istrument huwa relevanti ħafna f’kuntest fejn l-irwol tal-midja hu li tkun ħielsa li tikkomunika b’mod oġġettiv u b’hekk ukoll tkun miġġielda l-miżinformazzjoni u diżinformazzjoni.”
Qal dan il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici fl-intervent tiegħu waqt il-Kunsill tal-Ministri Ewropej tal-Edukazzjoni, Żgħażagħ, Kultura u Sport, fi Brussell.
Il-Ministru Bonnici enfasizza li m’għandux ikun hemm derogi fir-rigward tal-libertà tal-midja permezz ta’ miżuri li mhumiex konformi mal-prinċipji tal-legalità u proporzjonalità.
Huwa tkellem ukoll fuq l-importanza fir-rigward tal-identità kulturali u l-preżenza Ewropea fis-suq internazzjonali awdjoviżiv, partikolarment dak li hu magħmul minn servizzi diġitali. “Naqblu wkoll illi huwa importanti li tingħata l-attenzjoni mistħoqqa għat-tqegħid ta’ obbligi fuq il-pjattaformi internazzjonali li għandhom irwol f’dan il-qasam,” qal Dr Bonnici.
Il-Ministru Bonnici temm l-intervent tiegħu billi qal li l-appoġġ ta’ Malta għall-inizjattiva tal-Att Ewropew dwar il-Libertà tal-Midja jsaħħaħ l-importanza tal-libertà tal-midja u l-ħtieġa ta’ miżuri li jiżguraw li din tiġi ppreservata u protetta.