Is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rebecca Buttigieg indirizzat it-tieni konferenza annwali f’għeluq it-tieni sena mindu tnieda ċ-charter favur id-diversità u l-inklużjoni. Il-konferenza li kellha t-tema “Sustaining Momentum” iffokat fuq il-miżuri u l-passi li qegħdin jittieħdu biex id-diversità u l-inklużjoni jkunu sostnuti b’azzjonijiet konkreti.
Is-segretarju parlamentari qalet li huwa sinjal pożittiv li 60 organizzazzjoni u intrapriżi fil-maġġoranza tagħhom mis-settur privat minn rajhom adottaw iċ-charter dwar id-diversità u l-inklużjoni li jipprovdi pjattaforma dwar prattiċi tajbin fl-operat tagħhom.
Hija sostniet li filwaqt li kelma tqanqal, l-eżempju ikaxkar u għalhekk raddet ħajr lill-entitajiet li volontarjament qegħdin jimxu ma’ dan iċ-charter fl-operat tagħhom. Spjegat li b’dan iċ-charter li sar mill-NGO CORE qiegħed fil-prattika isaħħaħ l-ugwaljanza u ixejjen il-preġudizzji u d-diskriminazzjoni.
Is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg semmiet ukoll it-twettiq li qed isir tal-pjan ta’ azzjoni tal-istrateġija dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, il-GEMSAP, li jinsab fit-tielet sena tiegħu. Qalet li fost il-prijoritajiet ta’ din l-istrateġija hemm li jkunu indirizzati l-inugwaljanzi ekonomiċi bejn il-ġeneri u qalet li dawn naqsu ħafna bil-fatt li żdiedu n-nisa fis-suq tax-xogħol hekk li llum Malta qabżet il-medja Ewropea. Semmiet ukoll l-implimentazzjoni ta’ direttivi Ewropej li qegħdin jiddaħħlu biex jonqos id-distakk kemm fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel għal xogħol tal-istess valur kif ukoll biex jiżdiedu n-nisa f’karigi tat-tmexxija.
Is-segretarju parlamentari elenkat miżuri oħrajn li qegħdin kontinwament jittieħdu mill-entitajiet varji biex is-soċjetà Maltija tagħti valur l-inklussività u d-diversità. Fosthom semmiet l-impenji kontinwu fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestiku, l-ħarsien tad-drittijiet ċivili tal-persuni LGBTIQ+, l-politika kontra r-razziżmu u favur l-integrazzjoni u l-ġlieda kontra traffikar uman.