Sunday, December 22, 2024

Malta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE minħabba l-insib

Aqra wkoll

Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tressaq lil Malta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talli naqset milli tapplika b’mod korrett id-Direttiva dwar l-Għasafar (id-Direttiva 2009/147/KE) billi applikat b’mod skorrett ir-reġim tad-derogi u awtorizzat l-insib tal-isponsuni protetti għal skopijiet ta’ riċerka.

Id-Direttiva dwar l-Għasafar tirrikjedi sistema ġenerali ta’ protezzjoni għall-għasafar selvaġġi u tippermetti derogi dwar il-kaċċa u l-insib biss meta dawn ikunu soġġetti għal kundizzjonijiet stretti. Dawn huma rekwiżiti ewlenin għall-protezzjoni tal-bijodiversità fl-UE. Kemm il-Patt Ekoloġiku Ewropew kif ukoll l-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 jindikaw li huwa kruċjali għall-UE li twaqqaf it-telf tal-bijodiversità tagħha billi tippreserva s-siti naturali u tirrestawra l-ekosistemi li saritilhom ħsara għal status ekoloġiku tajjeb.

Il-kwistjoni tal-insib tal-isponsuni diġà kienet soġġetta għal proċedimenti ta’ ksur fl-imgħoddi, li wasslet għal deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-2018 fejn iddikjarat deroga tal-insib simili bħala illegali. Għaldaqstant, Malta ħassret ir-reġim tad-deroga rilevanti u ntrabtet ma terġax tiftaħha. Madankollu, fl-2020, Malta reġgħet awtorizzat l-insib tal-isponsuni u din id-darba invokat dispożizzjoni ta’ deroga oħra, b’mod partikolari għal skopijiet ta’ riċerka.

Il-Kummissjoni tqis li, minkejja li l-objettiv ddikjarat hu wieħed ta’ “riċerka”, bosta elementi jindikaw li l-iskema – fil-prattika – tippermetti li għadd kbir ta’ għasafar jinqabdu mingħajr ma jiġu rrapportati, li jmur kontra l-kondizzjonijiet stretti għad-derogi stabbiliti mid-Direttiva dwar l-Għasafar. Għalhekk, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lil Malta f’Diċembru tal-2020, segwita b’opinjoni motivata f’Ġunju tal-2021. Minkejja li Malta ħassret il-leġiżlazzjoni inkriminata fil-bidu ta’ Ottubru, ma taffietx it-tħassib tal-Kummissjoni: il-liċenzji għall-insib għall-istaġun tal-2021 kienu diġà ntħarġu abbażi tal-qafas mħassar tal-2020, u r-regoli l-ġodda li ġew adottati malajr kellhom biss emendi minuri meta mqabbel mar-reġim legali preċedenti.

Għaldaqstant il-Kummissjoni tqis it-tweġiba mill-awtoritajiet Maltin, kemm għall-ittra ta’ intimazzjoni kif ukoll għall-opinjoni motivata, bħala mhux sodisfaċenti, u għalhekk qed tressaq lil Malta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. 

Ekonomija

Sport