Saturday, December 13, 2025

MALTA REPUBBLIKA

Aqra wkoll

Malta llum tiċċelebra l-51 sena minn meta telqet mill-monarkija barranija u saret Repubblika mibnija fuq ix-xogħol. 51 sena ilu, Malta mxiet il-pass storiku u b’determinazzjoni uriet li verament kienet se tkun Maltija, b’wieħed minn uliedha kap tal-istat. Uriet ukoll li ma kellhiex għalfejn tibqa iktar taħt il-monarkija Ingliża.

Iżda, lil hinn mill-festini u ċ-ċelebrazzjonijiet, ikun tajjeb li nirriflettu x’fissret għall-poplu Malti din il-mixja kostituzzjonali li temmet għal kollox u neħħiet it-traċċi li kien fadal ta’ ħakmiet barranin. Għalhekk, ikun xieraq li naraw fejn wasalna fl-emanċipazzjoni politiku u soċjali tagħna bħala poplu indipendenti u sovran.

Sa mill-bidu nett ta’ din il-ħolma li saret realta fl-1974 kien ġie dikjarat li r-Repubblika ta’ Malta kellha tinbena fuq ix-xogħol għaliex fix-xogħol biss jinsab ir-risq u l-prosperità ekonomika u soċjali ta’ poplu.

Iżda, il-ħolqien ta’ Malta Repubblika ma jistax jittieħed f’kuntest iżolat. Dak li seħħ bħal-lum 51 sena ilu segwa dak li kien seħħ sentejn qabel bil-ftehim mal-Gvern Ingliż illi fi żmien seba snin Malta tkun ħielsa għal kollox minn kull irbit, militari u mhux, mal-barranin.

Għalhekk, pajjiżna jista jiftaħar li minn dakinhar niseġ kostituzzjoni li tgħodd għalih stess. Nissel ukoll kommunita li hija suġġetta għal-liġijiet li jsiru minnha stess. B’hekk u b’Malta repubblika, pajjiżna kiseb l-ogħla identità tiegħu li kien ilu mxennaq għalih.

Kif kien qal l-ewwel president tar-Repubblika, il-mibki Sir Anthony Mamo, biex għamlu tibdil fil-kostituzzjoni tagħhom kif għamlet Malta, ħafna pajjiżi oħra kellhom iċarċru demmhom. Kellhom jissagrifikaw lill-uliedhom stess. F’pajjiżna dan ma ġarax għax urejna li bħala poplu aħna kapaċi ningħaqdu kuldarba li jkun hemm l-interess nazzjonali in-nofs.

U dan għandu jibqa’ jservina ta’ lezzjoni biex fi kwistjonijiet nazzjonali naħdmu flimkien biex negħlbu l-problemi li nistgħu niffaċjaw u mhux li nippruvaw inkissru r-reputazzjoni u nagħmlu ħsara lill-pajjiżna.

Ma nistgħux nittolleraw jew nibqgħu siekta meta jkun hemm min minn fostna li jieħu gost jara l-pajjiżna jgħaddi minn xi diffikultà. Jew ukoll li jkun hawn min jiddikjara gwerra “qaddisa” kontra Malta tagħna. Min jagħmel hekk ma jkunx jistħoqqlu li jissejjaħ Malti, u jkun ħaqqu kull kundanna.

Il-mibegħda politika u l-partiġġjaniżmu sfrenat ma jġibux ħlief firda u polorizzazzjoni inkontrollata. Għax il-mibegħda u l-partiġġjaniżmu mhux lill-partiti jweġġgħu u jagħmlu ħsara imma lil pajjiżna kollu bħala nazzjon.

Mela għandna lkoll flimkien bħala poplu wieħed, f’dan il-jum glorjuż tal-51 anniversarju ta’ Malta Repubblika, nistqarru li ma nħallux il-qasma politika tifridna bħala poplu. Id-differenza fl-ideat u t-twemmin fil-politika hija essenzjali għad-demokrazija għax tiggarantixxi l-alternanza, imma daqstant ieħor hija perikoluża jekk tintuża b’mod li tnissel il-firda u tkattar il-mibgħeda.

L-għaqda li rrenjat fost il-Maltin ta 51 sena ilu għandna għalfejn nigglorifikawha imma biex nagħmlu dan irridu nesegwuha mhux biss bil-kliem imma bil-fatti. B’hekk biss iċ-ċittadini tagħna jistgħu jkomplu jibnu u jassiguraw il-ġejjieni tagħhom fil-paċi u l-progress.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport