Sunday, December 1, 2024

MALTA REPUBBLIKA – ID-DIBATTITI PARLAMENTARI

Aqra wkoll

F’Jum ir-Repubblika se jiġi mniedi  MALTA REPUBBLIKA – ID-DIBATTITI PARLAMENTARI, ktieb ġdid tal-SKS bl-interventi tar-rappreżentanti tal-Gvern Laburista u tal-Oppożizzjoni fil-Parlament bejn it-3 u t-13 ta’ Diċembru 1974 meta l-maġġoranza l-kbira tar-Rappreżentanti tal-poplu vvotaw favur il-Kostituzzjoni tar-Repubblika. Iż-żewġ partiti kienu ilhom sena u nofs f’laqgħat formali bir-rappreżentanti taż-żewġ partiti jipprovaw jaslugħal qbil dwar il-Kostituzzjoni l-ġdida. 

Ritratti tal-membri Parlamentari taż-żewġ naħat jieħdu l-gurament ta’ Lealtà 50 sena ilu lejn ir-Repubblika qed jidhru għall-ewwel darba f’dan il-ktieb.

Il-Partit Laburista ried li l-Kostituzzjoni Repubblikana tkun dar komuni għall-Maltin u l-Għawdxin kollha. Għalhekk ħadem biex iż-żewġ partiti jibnu din id-dar komuni flimkien. Mintoff kien determinat li l-ebda partit politiku ieħor ma jgħaddi mill-persekuzzjoni reliġjuża li għadda minnha fl-elezzjonijiet tal-1962 u l-1966. 

F’Diċembru tal-1974 saru sitt seduti Parlamentari  li matulhom f’isem il-Gvern tkellmu il-Prim Ministru Dom Mintoff, id-Deputat Prim Ministru Anton Buttigieg u l-Ministru Ġużè Cassar waqt li f’isem l-Oppożizzjoni tkellmu l-Kap tal-Oppożizzjoni George Borg Olivier, Guido De Marco, Ugo Mifsud Bonnici, Mario Felice, Eddie Fenech Adami u anke Ċensu Tabone li qablu li Malta ma’ tibqax Monarkija u ssir Repubblika. George Borg Olivier, Albert Borg Olivier De Puget u Joe Cassar Galea ma qablux għax irraġunaw li l-Gvern ma kellux il-mandat tal-poplu għal dan. Meta ġiet il-votazzjoni ngħaqdu magħhom Alfred Bonnici, Pawlu Borg Olivier u Alexander Cachia Zammit biex sitt Deputati tal-Oppożizzjoni vvotaw kontra l-Kostituzzjoni tar-Repubblika waqt li d-49 deputati l-oħra ivvotaw favur.

Il-ktieb se jiġi mniedi f’Jum ir-Repubblika fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista bejn 10am – 12pm. Ikun preżenti Prof. Raymond Mangion li kiteb Studju għall-ktieb ‘Il-Kostituzzjonijiet ta’ Malta 1921-1974.’ Dakinhar jinbigħ bil-Pre-Publication Price  ta’ €10. Mill-14 ta’ Diċembru  jinbigħ €25.00 miill-Ħwienet tal-kotba.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport