Tuesday, December 24, 2024

“Malta reżiljenti”

Aqra wkoll

Mill-Ministru għall-Ambjent, Bidla fil-Klima u Ippjanar, AARON FARRUGIA

Għalkemm il-COVID-19 huwa virus mikroskopiku, irnexxielu jġiegħlna nirrealizzaw kemm aħna vulnerabbli. Fi żmien ftit xhur dan il-virus irnexxielu jaqleb ħajjitna ta’ taħt fuq u għallimna li l-futur tagħna mhux se jkun bħal kif konna qed ngħixu qabel il-pandemija. Nemmen li l-futur tagħna se jkun imsejjes fuq kelma waħda partikolari: reżiljenza.

Ir-reżiljenza hija l-ħila li soċjetá jirnexxielha tegħleb l-isfidi tagħha, kemm dawk ekonomiċi, soċjali u anke ambjentali, u toħroġ minn żmien ta’ sfida. Il-COVID-19 kixef beraħ il-vulnerabbiltajiet ta’ dawn it-tlett pilastri li fuqhom tistrieħ is-soċjetá tagħna. B’mod speċjali, dan il-virus kixef ċertu difetti li pajjiżna kellu fit-tessut soċjo-ekonomiku tiegħu.

Bħala Ministeru qed inħarsu lejn numru ta’ materji li qed jagħmluna aktar suxxettibbli għal dawn il-pandemiji, bħat-tibdil fil-klima, it-tniġġis u l-kummerċ ta’ annimali eżotiċi. Qed naħdmu fuq pjan konkret u sostenibbli sabiex jinstab bilanċ mistħoqq bejn stimolu ekonomiku li jgħin lill-pajjiż jirkupra mill-pandemija, u l-ħarsien tal-ambjent u l-miżuri meħtieġa fil-qasam tat-tibdil fil-klima. 

Ngħiduha kif inhi – din il-pandemija se tibdel ħajjitna u l-mod kif ngħixu. B’riżultat ta’ dan qed naraw titjib tanġibbli fl-ambjent ta’ madwarna. It-tniġġis tal-arja naqas b’mod konsiderevoli u studji xjentifiċi juru li l-ammont ta’ ċertu gassijiet li jniġġsu naqsu b’madwar 40%. It-tnaqqis fl-użu tal-karozzi wassal ukoll sabiex jitnaqqsu l-ħsejjes f’zoni urbani. Tnaqqis ta’ din ix-xorta juri kemm it-trasport jaffetwa l-arja ta’ pajjiżna.

Għalkemm dan it-tnaqqis huwa temporanju, huwa ċar il-bżonn aċċellerat lejn modi oħrajn aktar sostenibbli ta’ transport. M’għandniex nibqgħu inħarsu lejn l-ambjent bħala xkiel għall-iżvilupp ekonomiku ta’ pajjiżna. Għandna nieħdu dan iż-żmien bħala opportunitá biex l-ambjent ikun parti integrali mill-pjan ekonomiku ta’ pajjiżna.

Huwa d-dmir ta’ kull wieħed u waħda minna li nibdew nirrealizzaw li l-iżvilupp sostenibbli u d-degradazzjoni tal-ambjent huma affarijiet li jaffetwaw l-istil ta’ ħajja, l-ekonomija, u s-saħħa tagħna. Filwaqt li l-maġġoranza tal-Maltin qed jimxu mal-pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa, għandna nieħdu b’daqstant serjetá l-pariri li jagħtu l-awtoritajiet li għandhom x’jaqsmu mal-ambjent u t-tibdil fil-klima. Din il-pandemija għalmitna kif ħajjitna tista’ tinbidel mil-lum għal għada. Id-degradazzjoni tal-ambjent tista’ taffetwana bl-istess mod u b’daqstant qilla.

Il-Ministeru tiegħi se jkun qed jipprepara pjan li jwassal lil pajjiżna għal wara li tgħaddi din il-pandemija u ħajjitnaterġa tmur għan-normal. Dan il-pjan se jippermettielna biex iva, nimxu b’ritmu ekonomiku f’waqtu iżda b’differenza, wieħed li jinkludi u mhux jeskludi l-miri u l-pjanijiet ambjentali tagħna. 

Fix-xhur li ġejjin, nibdew nimplimentaw r-rakkomandazzjonijiet tal-Programm Nazzjonali għall-Kontroll tat-Tniġġis fl-Arja. Sal-aħħar ta’ din is-sena pajjiżna se jkollu strateġija ‘Low Carbon Development’ li se tara li pajjiżna jiġi dekarbonizzat sas-sena 2050.

Fl-istess waqt ser inkunu qed nadottaw pjan ġdid għall-immaniġjar tal-iskart fit-tul li se jkun qed iwassal lil pajjiżna sas-sena 2030. Il-Ministeru jinstab ukoll fi stadju avvanzat sabiex fi strateġiji oħra bħal dawk tal-Water Catchment Management Plan, il-Marine Programme of Measures, il-Pjan għall-Kwalitá tal-Arja, il-Pjan ta’ Azzjoni kontra t-Tniġġis tal-Ħoss, l-Istrateġija Nazzjonali għall-Biodiversitá għas-snin 2022-2030.

In-normalitá l-ġdida għandha tkun imsejsa fuq il-progress ekonomiku, soċjali u ambjentali tagħna, filwaqt li nfittxu li nsaħħu l-ekosistema ta’ madwarna.

Stat ħażin tal-ambjent jista’ jwassal biex ċertu mard jinfirex aktar fis-soċjetá tagħna, b’hekk bħalissa qed nikkollaboraw mas-Supretendenza tas-Saħħa Pubblika u d-Direttorat tas-Saħħa Ambjentali sabiex niżviluppaw pjan ta’ azzjoni bejn l-Ambjent u s-Saħħa. Dan il-pjan se jkun qed jieħu bħala prijoritajiet tiegħu il-kwalitá tal-arja, it-tniġġis tal-ħoss, it-tibdil fil-klima, it-trasport u s-saħħa urbana, l-ilma u l-iżvilupp sostennibli ta’ sistemi ta’ saħħa ambjentali. L-għan aħħari huwa li ngħinu lil kull ċittadin li jikber, jgħix u jaħdem f’ambjent li tassew jissalvagwardja l-benesseri tal-persuna.

Ilna nuru li jeżisti futur aħjar speċjalment issa  f’perjodu fejn il-poplu huwa nkwetat fuq il-futur tiegħu, fuq saħħtu. 

Billi nissalvagwardjaw dawn il-prinċipji ma jfissirx li pajjiżna mhux se jilħaq il-milja tiegħu fil-futur u mhux se jirkupra minn din il-pandemija. Għal-kuntrarju ta’ dan, ser inkunu qed nibdew niċeċ ekonomiċi ġodda li sa ftit tas-snin ilu pajjiżna bilkemm sfrutta. Din il-pandemija urietna r-realtá ta’ x’hemm bżonn għal sistema sostenibbli u reżiljenti. Pajjiżi ferm ikbar minna spiċċaw għarkuptejhom minħabba dan il-virus, b’mijiet ta’ eluf jitilfu xogħolom oħrajn ħajjithom.

Fl-aħħar xhur stajna naraw u nifhmu li l-ġid ekonomiku biss ma’ jfisser xejn mingħajr stabbiltá soċjali u s-saħħa ambjentali.

Filwaqt li nibqa nemmen li għandu jkun hem pakkett ta’ inċentivi għall-intrapriżi u l-ħaddiema Maltin u Għawdxin, bħala Ministeru responsabbli għall-Ambjent se nkunu qed niżguraw li dan ma jseħħx a skapitu tal-ambjent tagħna.

Dan hu żmien li  nagħżlu u nipprijoritizzaw dak li huwa importanti għalina,  għall-benesseri tagħna. Il-futur tagħna jistħoqqlu normi ġodda. Inħeġġiġkom sabiex nagħtu importanza lill-futur tagħna aktar minn kemm qed nagħtu kas il-preżent tagħna – għal uliedna u l-ġenerazzjonijiet li ġejjin. 

Ekonomija

Sport