Wednesday, December 25, 2024

“Malta se tassisti lill-Ukrajna bi provvisti mediċi” – il-PM

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li Malta se tkun qed tassisti lill-Ukrajna bi provvisti mediċi.

Huwa qal dan f’messaġġ qasir fuq il-midja soċjali wara lejl ta’ diskussjonijiet dwar it-tensjoni fl-Ukrajna, inkluż bis-sehem tal-President Zelensky.

Dr Abela qal li qablu fuq sanzjonijiet immirati lejn setturi ekonomiċi partikolari, filwaqt li żied jgħid li d-diskussjonijiet u d-deċiżjonijiet fuq livell Ewropew ikomplu.

“Hemm xokk għal dak li qed iseħħ quddiem għajnejna. Iżda, sentiment komuni jibqa’ x-xewqa għall-paċi u l-waqfien mill-ġlied,” qal il-Prim Ministru

Intant b’rabta mal-iżviluppi li qed iseħħu fl-Ukrajna, il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi ħabbar li ukoll li ħa jibgħat assistenza umanitarja lill-poplu Ukren permezz tal-mekkaniżmu tal-Protezzjoni Ċivili.

Fi stqarrija, il-Ministeru qal li issa ser ikun qed jibda l-proċess li jintuża mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li bih pajjiżna jassisti pajjiżi barranin li jkollhom bżonn għajnuna umanitarja urġenti.

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri spjega li għal darb’oħra Malta se toffri assistenza umanitarja urġenti lill-popli ta’ pajjiżi oħra li jkunu għaddejjin minn ċirkostanzi diffiċli.

Il-Ministru Camilleri qal: “Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili qed jerġa’ jkun fuq quddiem fil-koordinament ta’ din it-tip ta’ għajnuna lil pajjiżi oħra. Bis-saħħa ta’ din il-ħidma, pajjiżna ser jingħaqad ma’ ħafna Stati Membri oħra li qed jibagħtu l-għajnuniet lill-Ukrajna f’dan il-mument diffiċli.”

Ekonomija

Sport