Friday, December 20, 2024

“Malta se tibqa’ toffri l-għajnuna lill-Ukrajna fejn possibbli”

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Waqt li fl-aħħar jiem għadd ta’ pajjiżi fosthom Spanja, id-Danimarka, l-Italja, il-Polonja, l-Estonja, l-Awstrija,  u l-Bulgarija  keċċew diplomatiċi Russi minn pajjiżhom, xi ħaġa li kienet wasslet għal kundanna mir-Russja, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Ian Borg f’telefonata li kellu mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin Ukren Dmytro Kuleba, spjega l-pożizzjoni ta’ Malta għaliex għadha ma keċċietx diplomatiċi Russi.  Il-Ministru Borg iddikjara li l-Ministru Ukren fehem perfettament il-pożizzjoni ta’ Malta. 

Il-Ministru Ian Borg f’kumment lil Talk.mt qalilna li “f’mumenti bħal dawn huwa importanti li nkunu solidali ma’ pajjiż ieħor li għaddej minn dan iż-żmien diffiċli u Malta hekk se tibqa’ tagħmel. Fit-telefonata mal-Ministru Kuleba sostnejt kif Malta se tibqa’ toffri l-għajnuna tagħha fejn huwa possibbli u ta’ dan il-Gvern Ukren huwa grat. Spjegajt il-pożizzjoni ta’ pajjiżna anke fir-rigward tal-Ambaxxata Maltija fir-Russja fejn minħabba l-limtazzjonijiet tagħna u hawnhekk l-Ministru Ukren fehem ukoll din ir-realtà. Pero’ apprezza wkoll l-implimentazzjoni tas-sanzjonijiet li qed tagħmel l-Unjoni Ewropea.”

Il-Ministru Ian Borg fil-kumment qalilna li “l-appell tiegħi biex il-President Zelenskyy jindirizza lill-Parlament Malti huwa wieħed importanti anke sabiex f’dan il-mument bħala Gvern u Oppożizzjoni f’daqqa nifhmu aħjar is-sitwazzjoni li għaddejjin minnha bħala pajjiż filwaqt li nkunu nistgħu niddiskutu aktar fid-dettal l-impatt ta’ dan kollu fuq pajjiżna.”

Il-Ministru Ian Borg iddikjara li l-Ministru Kuleba infurmah kif il-Gvern Ukren hu grat lejn Malta u l-għajnuna li qed nagħtu – dik umanitarja, interventi mediċi, fil-qasam edukattiv u nilqgħu refuġjati Ukreni wkoll. Il-Ministru Ian Borg enfasizza  ukoll li “tlabtu jikkunsidra sabiex il-President Zelenskyy jindirizza lill-Parlament Malti wara li jerġa’ jiftaħ, liema talba kienet apprezzata u wegħdni li ser jirrakomanda sabiex dan isir”.

B’riferenza għat-tkeċċija ta’ diplomatiċi Russi, kelliem għar-Russja kien iddeskriva dawn id-deċiżjonijiet bħala li huma deċiżjonijiet mgħaġġlin u li se jkomplu jikkomplikaw i-kommunikazzjoni, liema kommunikazzjoni hi neċessarja biex tinstab soluzzjoni. 

Spanja kienet qalet li keċċiet 25 diplomatiku Russu, waqt li l-Italja kienet qalet li ordnat it-tkeċċija ta’ xejn inqas minn 30 diplomatiku Russu.  Id-Danimarka kienet keċċiet 15-il diplomatiku, lliema diplomatiċi kienu ingħataw 14-il jum ċans biex jitiqu mill-pajjiż. 

Ekonomija

Sport