Il-Prim Ministru Robert Abela attenda għal-laqgħat fi Praga, fuq jumejn, flimkien mal-mexxejja tal-pajjiżi Ewropej. Matul dan is-summit, il-Prim Ministru pparteċipa f’laqgħa tal-Komunità Politika Ewropea u laqgħa informali tal-mexxejja tal-membri stati tal-Unjoni Ewropea.
Matul il-jum tal-Ħamis, ġiet imnedija għall-ewwel darba l-Komunità Politika Ewropea, li l-għan tagħha huwa li ġġib flimkien il-membri stati tal-Unjoni Ewropea u pajjiżi oħra Ewropej u tipprovdi pjattaforma għal aktar koordinazzjoni politika bejn dawn il-pajjiżi.
Waqt l-intervent tiegħu f’din il-laqgħa, fejn ġew diskussi diversi temi fosthom il-paċi u s-sigurtà, l-enerġija u l-klima, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li jeħtieġ kollaborazzjoni bejn il-pajjiżi Ewropej u ħidma kollettiva biex jiġu indirizzati l-isfidi preżenti, speċjalment dik taż-żieda fil-prezz tal-enerġija. Kompla li l-Gvern Malti kommess li, kif diġà għamel, ikompli jipproteġi liċ-ċittadini vulnerabbli minn kontijiet għolja tal-enerġija.
“Ser inkomplu nikkonfrontaw dawn l-isfidi ħalli filwaqt li ma nħallu lil ħadd warajna, inkomplu nagħtu futur aħjar liċ-ċittadini tagħna,” tenna l-Prim Ministru.
Matul il-jum tal-Ġimgħa, il-exxejja tal-membri stati tal-Unjoni Ewropea ltaqgħu għal-laqgħa informali tal-Kunsill Ewropew, fejn il-Prim Ministru Robert Abela ffoka fuq it-tema ewlenija tal-enerġija fl-isfond tal-gwerra fl-Ukrajna.
Dwar dan, il-Prim Ministru enfasizza li huwa preokkupat bis-sitwazzjoni ekonomika kurrenti, speċjalment dik tal-prezzijiet għolja tal-enerġija, li qed twassal għall-inċertezza kbira fl-Ewropa kollha. Huwa sostna li pajjiżna huwa dipendenti fuq l-elettriku u kwalunkwe impożizzjoni biex tonqos id-domanda tal-elettriku jkollha impatt negattiv fuq il-familji Maltin u Għawdxin kif ukoll fuq in-negozji. Madanakollu, Malta taqbel mal-miżuri proposti fil-pjan t’azzjoni tal-Kummissjoni Ewropea għaliex jikkumplimentaw l-isforzi tagħna bħala pajjiż.
“Fuq l-enerġija, il-Gvern Malti ħa azzjoni u qed nipprovdu l-appoġġ neċessarju biex kemm jista’ jkun intaffu mill-impatt soċjali u ekonomiku tal-prezzijiet għolja fuq iċ-ċittadini u n-negozji. Ħadna wkoll miżuri sabiex innaqqsu d-domanda tal-elettriku mhux biss fis-settur pubbliku iżda qed inħeġġu wkoll lis-settur privat u anke liċ-ċittadini biex inkunu aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija u tonqos il-ħela,” tenna l-Prim Ministru Robert Abela.
Waqt din il-laqgħa kompliet id-diskussjoni dwar l-iżviluppi li għaddejjin bħalissa fil-gwerra fl-Ukrajna, fejn il-ġimgħa li għaddiet stess, il-mexxejja tal-UE rrifjutaw u kkundannaw bil-qawwa l-annessjonijiet illegali mħabbra mir-Russja.
F’dan il-kuntest, il-prim ministru sostna li Malta qiegħda u ser tkompli tipprovdi s-sapport neċessarju lill-Ukrajna, kif ukoll qed taċċetta t-tmien pakkett ta’ sanzjonijiet.
“Malta, li hija l-unika membru tal-UE li ġiet eletta fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, ser tkompli titkellem favur it-tmiem tal-gwerra fl-Ukrajna, filwaqt li nkomplu nisħqu fuq il-bżonn li l-għajnuna umanitarja tasal għand dawk kollha l-iktar fil-bżonn,” ikkonkluda l-Prim Ministru Robert Abela.