Filwaqt li l-Ministru tat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur, Julia Farrugia Portelli ħabbret li mill-1 ta’ Lulju se jinfetħu t-titjiriet minn u lejn 19-il pajjiż differenti, s’issa għad m’hemm lista uffiċjali dwar liema se jkunu dawn il-pajjiżi.
Madankollu, jidher li l-lista uffiċjali mhix se tkun tinkludi lir-Renju Unit u l-Italja, li huma l-aqwa swieq tat-turiżmu għal pajjiżna. Jidher li d-deċiżjoni kellha tittieħed peress li dawn il-pajjiżi ġew milquta ħafna mill-COVID-19.
Min-naħa l-oħra, qed jingħad li l-pajjiżi li se jinfetħu huma l-Iżlanda, is-Slovakkja, Ċipru, il-Litwanja, Iżrael, in-Norveġja, l-Iżvizzera, l-Estonja, id-Danimarka, l-Ungerija, l-Awstrija, il-Lussemburgu, il-Ġermanja, ir-Repubblika Ċeka, il-Finlandja u l-Irlanda. Barra hekk, jidher li qegħdin jiġu kkonsidrati Sqallija u Sardenja, filwaqt li jistgħu jiġu introdotti titjiriet lejn il-Portugall u l-Polonja aktar tard.