Malta se tingħata €817-il miljun f’fondi Ewropej għas-snin 2021-2027 biex inkomplu nwettqu proġetti favur il-kompetittività u l-innovazzjoni, proġetti favur l-ambjent u l-ekonomija ċirkolari, u proġetti soċjali. Dan wara li l-Kummissjoni Ewropea approvat il-Partnership Agreement ma’ Malta wara taħdidiet mal-Gvern Malti.
Il-prijoritajiet u l-investimenti li se jkun qiegħed iwettaq il-Gvern Malti ġew approvati mill-Kummissjoni Ewropea fil-Partnership Agreement ta’ Malta għas-snin 2021-2027. Dan iffisser li meta żżid l-allokazzjoni li joħroġ il-Gvern Malti mat-€817-il miljun li se ningħataw f’fondi Ewropej, b’kollox se nwettqu mal-€1.2 biljun f’investimenti u proġetti, f’Malta u Għawdex, f’dawn l-oqsma. Dawn huma proġetti li se jtejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies u joħolqu aktar attività ekonomika li twassal għal opportunitajiet ta’ ħolqien ta’ impjiegi ġodda, li jinħolqu setturi ekonomiċi innovattivi, u aktar tkabbir ekonomiku.
Il-Partnership Agreement li qablet fuqu il-Kummissjoni Ewropea biex pajjiżna jingħata €817-il miljun f’fondi jinkludi il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il- Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, il-Fond Soċjali Ewropew, u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura.
Il-Kummissarju Ewropew għall-Koeżjoni u r-Riformi Elisa Ferreira qalet li bl-approvazzjoni tal-Partnership Agreement, bil-proġetti li se twettaq, Malta għamlet pass ieħor ‘il quddiem fl-isforzi tal-Unjoni Ewropea li noffru proġetti ta’ prosperità, aktar inklużjoni, u proġetti li se jgħinu fi tranżizzjoni lejn ambjent aktar nadif u tranżizzjoni diġitali.
Il-Kummissarju Ewropew għall-Impjiegi u Affarijiet Soċjali Nicolas Schmit u l-Kummissarju Ewropew għall-Ambjent, l-Oċeani u s-Sajd Virginijus Sinkevičius innotaw b’mod pożittiv li bil-prijoritajiet li għandha Malta se tkompli ttejjeb l-inklużjoni soċjali, se jinħolqu aktar opportunitajiet, u se jsir titjib fis-settur tas-sajd u l-akkwakultura.
Il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet Silvio Schembri laqa’ l-approvazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-fondi għal pajjiżna. “Fil-passat urejna l-avvanzi kbar li għamilna f’pajjiżna anke permezz ta’ fondi Ewropej. B’dan il-pakkett ġdid ta’ fondi se nkomplu naraw li l-ekonomija ta’ Malta tkun aktar innovattiva u kompetittiva.”
Il-Ministru Schembri qal ukoll li l-fondi Ewropej se jkunu qed jintużaw għal proġetti ambjentali biex jaraw tranżizzjoni lejn ekonomija aktar ħadra, sigurtà fl-enerġija, u t-trasformazzjoni diġitali.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett laqa’ b’sodisfazzjoni l-approvazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea u sostna li jħares ‘il quddiem, biex fix-xhur li ġejjin pajjiżna jibda jimplimenta l-proġetti u l-investimenti li l-gvern qiegħed jinnegozja mal-Kummissjoni Ewropea.
Chris Bonett stqarr li pajjiżna mistenni jkompli fuq is-suċċess tal-programm ta’ fondi Ewropej ta’ qabel, u jħares ‘il quddiem għall-programm tal-fondi Ewropej il-ġdid sabiex pajjiżna jkompli joħloq aktar opportunitajiet biex inkabbru l-ekonomija tal-pajjiż.