Monday, November 18, 2024

Malta se tippresjedi l-OSCE f’perjodu diffiċli

Intervista ma' Evarist Bartolo

Aqra wkoll

X’inhi l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa (OSCE)?

L-OSCE twaqqfet 48 sena ilu u llum tħaddan 57 stat mill-Ewropa, l-Asja tan-Nofs u l-Amerika ta’ Fuq. Twaqqfet biex l-istati flimkien jieħdu ħsieb is-sigurtà tagħhom u ta’ xulxin mill-aspetti kollha: politiċi-militari, ekonomiċi, ambjentali u umani. Taħdem favur il-kontroll tal-armamenti, miżuri biex il-pajjiżi jafdaw lil xulxin, favur id-drittijiet tal-bniedem, favur il-minoranzi nazzjonali u d-demokrazija, tieħu passi biex fejn jinqala’ l-inkwiet tara kif jiġi mrażżan, tħares kontra t-terroriżmu u tidħol ukoll fl-oqsma ekonomiċi u ambjentali. L-istati kollha, kbar u żgħar, huma meqjusa ndaqs. Id-deċiżjonijiet jitttieħdu bi qbil ma’ kulħadd u waqt li jorbtu politikament lill-istati kollha, ma jorbtuhomx legalment. Jiġifieri biex taħdem sew l-OSCE tiddependi fuq ir-rieda tajba tal-istati membri tagħha.

Xi tfisser għal Malta li tippresjedi l-OSCE s-sena d-dieħla?

Hija responsabbiltà diffiċli għax l-OSCE taħdem tajjeb skont kemm il-membri kollha tagħha jriduha taħdem tajjeb. Il-pajjiżi kollha, inkluż ir-Russja, approvaw lil Malta għall-Presidenza, għax aħna newtrali. Kieku konna fl-alleanza militari tan-NATO mmexxija mill-Istati Uniti, ir-Russja ma kinitx taċċettana kif ma aċċettatx lill-Estonja.

Se nkunu fil-Presidenza tal-OSCE fi żmien diffiċli meta ma tantx tista’ taħdem għall-għanijiet tagħha li ġġib sigurtà u koperazzjoni fl-Ewropa. Hi mibnija fuq l-idea li l-pajjiżi kollha Ewropew igawdu s-sigurtà għax jieħdu ħsieb is-sigurtà ta’ xulxin u ma jheddux wieħed lill-ieħor.

Jekk il-pajjiżi membri fiha ma jimpurtahomx mis-sigurtà ta’ xulxin ikunu qed joqtlu l-ispirtu tal-OSCE.

Kif minkejja li teżisti l-OSCE faqqgħet gwerra bħal dik fl-Ukrajna?

Kieku l-OSCE ntużat tajjeb u skont l-ispirtu li għalih teżisti, kieku l-gwerra fl-Ukrajna ma kinitx tinqala’. Inqalgħet għax hemm stati li warrbu lill-OSCE u telqu għal rashom bla ma taw każ li jridu jieħdu ħsieb is-sigurtà ta’ xulxin. Ir-Russja kienet ilha 30 sena – minn żmien Gorbachev – tgħid lill-Istati Uniti biex ma testendix l-alleanza militari tan-NATO sal-fruntieri tagħha għax tħossha mhedda, għax minn dawk il-fruntieri li ġiet invaduta minn Napuljun u minn Hitler.

L-Istati Uniti ma tatx każ kif tħossha r-Russja u daħħlet fin-NATO l-pajjiżi ġirien tar-Russja lir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, il-Polonja (1999, Bulgarija, Estonja, Latvja, Litwanja, ir-Rumanija, is-Slovakkja u s-Slovenja (2004).

Wara li kkollassat l-Unjoni Sovjetika fl-1991 kien ikun l-aħjar żmien għall-pajjiżi membri jużaw lill-OSCE biex tibni d-Dar Komuni Ewropea u ġġib sigurtà u koperazzjoni mill-Portugall sar-Russja.

Bl-Unjoni Sovjetika tikkollassa, iżżarma l-Patt ta’ Varsavja li kienet l-alleanza militari Sovjetika fl-1955 biex tiddefendi ruħha min-NATO mwaqqaf mill-Istati Uniti fl-1949 bħala difiża mill-Unjoni Sovjetika.

L-Istati Uniti messha żarmat lin-NATO u hekk l-Ewropa ma kinetx tibqa’ mifruda f’alleanzi militari u seta’ jitħaddem għalkollox l-ispirtu tal-OSCE, sigurtà u koperazzjoni bejn il-pajjiżi kollha Ewropej.

Imma l-Istati Uniti ma tatx kaz u flok żarmat lill-alleanza tan-NATO, saħħitha u kabbritha iżjed. L-agħar deċiżjoni Amerikana li ġabet il-gwerra li għaddejja fl-Ukrajna meta 15-il sena ilu qalet li anki l-Ukrajna ghandha ssir membru tan-NATO.

Ir-Russja ma tista’ qatt taċċetta li fuq l-għatba tagħha jkollha bażijiet militari ta’ alleanza kontra tagħha kif l-Istati Uniti ma taċċettax li l-Messiku, il-Kanada u pajjiżi oħra ġirien ikunu f’xi alleanza militari kontra tagħha jew ikollhom missili ppuntati lejha minn pajjiżi ġirien. Biżżejjed naraw xi nqala’ 61 sena ilu meta l-Unjoni Sovjetika riedet tpoġġi missili f’Kuba.

L-Istati Uniti mhix tagħti każ l-interessi tar-Russja meta tkompli tinsisti li l-Ukrajna għandha tidħol fin-NATO.

X’tista’ tagħmel l-OSCE dwar din il-gwerra?

Hemm anki esperti fir-relazzjonijiet internazzjonali Amerikani bħal Jeffrey Sachs li jgħidu li l-gwerra tista’ tieqaf kieku jintlaħaq ftehim, anki permezz tal-OSCE, li l-Ukrajna tiddikjara lilha nnifisha newtrali, ikollha garanziji għas-sigurtà tagħha, u jibqa’ l-ftehim li r-Russja tuża l-port ta’ Sevastapol għall-flotta tagħha. L-Ukrajna tista’ tuza’ l-pożizzjoni geografika taghha biex tkun pont ta’ koperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea, ir-Russja u l-Asja tan-Nofs, pajjiżi li huma fl-OSCE. L-Ukreni tal-Lvant li huma ħdejn ir-Russja u għandhom ħafna kultura Russa jingħataw id-drittijiet li suppost inghataw bil-ftehim ta’ Minsk.

L-OSCE tista’ tagħmel ħafna ġid jekk titħalla taħdem u mhux tiġi mxekkla u injorata minn dawk li ma jridux iħaddmu l-ispirtu tagħha: li s-sigurtà ta’ kull pajjiz hija r-responsabbiltà komuni tal-pajjiżi kollha u l-ebda pajjiż ma jhedded is-sigurtà ta’ pajjiż ieħor.

Sentejn ilu fi Stokkolma għedt f’laqgħa tal-ministri kollha tal-pajjiżi fl-OSCE: “Aktar milli ngħidu li m’aħniex sodisfatti b’li qed tagħmel l-OSCE, aħjar nieqfu u nirriflettu x’qed nagħmlu lill-OSCE, kif qed inġibu ruħna, kif qed nuzawha u nabbużawha.

Hemm qawl Ingliż li jghid: Ħaddiem mhux kapaċi dejjem iwaħħal fl-għodda tiegħu ghax-xogħol ħażin li jagħmel.

Qawl Russu jgħid: T’waħħalx fil-mera għax wiċċek ikreh. Ejja ma nwaħħlux fl-għodda. Ejja ma nwaħħlux fil-mera. Id-difetti, għeżież kollegi, mhumiex fl-OSCE, huma fina nfusna. Hemmhekk irridu nindirizzawhom. Lesti nagħmlu dan?”.

Ekonomija

Sport