Wara r-riżultati pożittivi tat-turiżmu fl-2025, il-Gvern, l-operaturi turistiċi u dawk kollha involuti f’din l-industrija se jkomplu jaħdmu flimkien biex jattiraw aktar viżitaturi li lesti jonfqu iżjed, filwaqt li jsaħħu t-tkabbir fix-xhur tax-xitwa.
Il-Ġimgħa filgħodu, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg indirizza konferenza tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA), li matulha tħabbru r-riżultati tal-MHRA BOV Deloitte 2025 Hospitality Performance Survey. Huwa ħeġġeġ lill-operaturi turistiċi u lil dawk kollha konċernati biex ikomplu jgħollu l-istandards, jiddiversifikaw l-offerta turistika, u jsaħħu r-reżiljenza u s-sostenibbiltà.
Dr Borg irrefera għall-istatistika tat-turiżmu tal-2025 ippubblikata l-ġimgħa li għaddiet, inkluż iż-żieda ta’ 2.5 miljun fl-iljieli li qattgħu t-turisti fil-pajjiż, li b’hekk laħqu 25.4 miljun lejl, l-akbar żieda perċentwali fl-UE. Huwa nnota wkoll li l-ogħla żidiet perċentwali fil-wasliet ta’ turisti f’Malta u Għawdex kienu fix-xhur tax-xitwa, riflessjoni tal-impenn kontinwu biex Malta ssir destinazzjoni ta’ matul is-sena kollha. Meta wieħed iħares lejn il-profil demografiku tal-viżitaturi, iż-żgħażagħ taħt l-24 sena rreġistraw l-inqas żieda, 3%. Min-naħa l-oħra, viżitaturi ta’ bejn il-45 u l-64 sena, kif ukoll dawk ’il fuq minn 65 sena, irreġistraw żieda akbar, ta’ 21.6% u 23.8% rispettivament, li tindika bidla gradwali lejn viżitaturi akbar fl-età li ġeneralment ikunu jifilħu jonfqu iżjed.
“Għalhekk, aktar milli nħarsu lejn in-numri totali ta’ kemm ġew turisti, fis-snin li ġejjin jeħtieġ niffukaw fuq dawn il-figuri – l-ispiża tat-turisti, it-tip ta’ turisti li jiġu, u l-ammont ta’ turisti fix-xhur tax-xitwa – għaliex dawn huma l-indikaturi tas-suċċess jew falliment tal-istrateġiji, investimenti u l-isforzi kollettivi tagħna fiż-żmien li ġej,” spjega d-Deputat Prim Ministru.
F’dan ir-rigward, il-Gvern jibqa’ impenjat bi sħiħ li jkompli jaħdem mal-industrija u ma’ dawk kollha involuti, biex jiżgura li t-tkabbir jitmexxa b’mod responsabbli lejn aktar reżiljenza u valur fit-tul, permezz tal-konsolidazzjoni tat-turiżmu b’mod kostanti matul is-sena kollha, kif ukoll inizzjattivi biex jiġu attirati swieq ta’ valur ogħla.
Dr Borg fakkar li t-tnedija tal-ewwel titjiriet diretti bejn Malta u New York f’Ġunju se jkun pass importanti biex Malta tilħaq aktar swieq minn pajjiżi mbiegħda, hekk kif se jinfetħu opportunitajiet ġodda għal tipi differenti ta’ vvjaġġar ta’ livell ogħla, filwaqt li tissaħħaħ il-qagħda ta’ Malta fl-industrija globali tat-turiżmu. “Permezz ta’ sinerġija bejn l-irwoli tat-turiżmu u l-affarijiet barranin fi ħdan l-istess Ministeru, qed inżidu l-ħidma tagħna lejn aktar diversifikazzjoni fil-firxa ta’ konnettività bl-ajru tagħna, speċjalment biex nattiraw aktar rotot minn pajjiżi ‘l bogħod minna,” hu qal, hekk kif ħeġġeġ lil dawk kollha f’din l-industrija biex, “naħdmu flimkien, u naħdmu aktar ħalli niżguraw li niksbu l-ogħla valur possibbli minn kull siġġu fuq l-ajruplani li nġibu lejn pajjiżna”.
F’kummenti dwar ir-riżultati tal-istħarriġ tal-MHRA, Dr Borg laqa’ b’sodisfazzjon it-titjib fid-dħul tal-lukandi u fil-livelli ta’ okkupanza tagħhom, żidiet li minnhom jibbenefikaw ukoll ir-ristoranti, dawk li jissupplixxuhom, dawk li jaħdmu fid-divertimenti, fit-trasport u prodotti u servizzi oħrajn.
L-istħarriġ tal-MHRA għas-sena 2025 juri li s-sena li għaddiet il-lukandi rreġistraw żieda ta’ 7.7% fid-dħul għal kull kamra disponibbli, b’livelli ta’ okkupanza ta’ 71%, 82.6% u 77.8% għall-kategoriji ta’ ħames, erba’ u tliet stilel. Ir-rati medji li nkisbu minn dawn il-lukandi żdiedu b’4.4%, 5% u 4% rispettivament, meta mqabbla mal-2024.
Id-Deputat Prim Ministru faħħar lill-MHRA għall-irwol indispensabbli tagħha bħala msieħeb strateġiku fl-iżvilupp turistiku ta’ Malta, u stieden lill-membri tagħha u lil dawk kollha involuti biex jipparteċipaw bi sħiħ fil-proċess ta’ reviżjoni strateġika li qed tniedi l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu matul din is-sena, lejn strateġija aġġornata għall-perjodu 2027 sa 2035, li se tirfina u tidderieġi l-investimenti u l-inizjattivi attwali u futuri f’din l-industrija.
Matul il-konferenza, id-Deputat Prim Ministru Borg ippreżenta wkoll rikonoxximent tal-MHRA lil grupp ta’ impjegati tal-Lukanda Corinthia San Ġorġ, li b’kuraġġ salvaw u għenu lil żewġ turisti li spiċċaw inġibdu fil-baħar mill-mewġ, max-xatt tal-istess lukanda, ix-xahar li għadda.

