Sunday, December 22, 2024

Malta se tkun l-ewwel pajjiż fl-UE fejn persuna ta’ 16-il sena tista’ tiġi eletta sindku

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli, ippreżentaw abbozz ta’ liġi li jipprovdi għal emendi fl-Att dwar il-Gvern Lokali li bis-saħħa tagħhom żgħażagħ ta’ taħt it-18-il sena jkunu jistgħu jokkupaw ir-rwol ta’ sindku jew viċi sindku jekk jiksbu l-fiduċja tal-elettorat.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Owen Bonnici qal li bis-saħħa ta’ dawn l-emendi Malta se tkun għalhekk l-ewwel pajjiż li se ddaħħal din ir-riforma. Huwa spjega kif din l-emenda ser tippermetti żgħażagħ ta’ taħt it-18-il sena li jikkontestaw u jiġu eletti fl-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali u li jiksbu l-ammont rikjest ta’ voti, jassumu l-irwol ta’ sindku jew viċi sindku.

Fl-Unjoni Ewropea (UE), l-Awstrija hi l-uniku pajjiż ieħor fejn persuna ta’ 16-il sena tista’ tivvota fl-elezzjonijiet lokali iżda ma tistax tikkontesta bħala kandidat. Malta, għalhekk, hi l-ewwel pajjiż fl-UE fejn persuna ta’ 16-il sena tista’ tivvota, toħroġ għall-elezzjonijiet lokali u għall-ewwel darba issa jekk din il-persuna ġġib l-akbar ammont ta’ voti mill-Partit li jġib il-maġġoranza tal-voti, tkun eletta wkoll sindku.

Il-Ministru Bonnici qal: “Aħna konna tajna l-kelma tagħna fil-programm elettorali għall-elezzjoni ġenerali li għaddiet li, kemm-il darba nerġgħu ningħataw il-fiduċja mill-poplu, aħna nwettqu din il-bidla leġiżlattiva. Bis-saħħa ta’ dawn l-emendi, il-Gvern se jkun qed iżomm kelmtu u dak li wegħedna u semmejna anke fl-Istrateġija Nazzjonali tal-Gvern Lokali 2023-2030, li ġiet imnedija f’Mejju li għadda, se nkunu qed inwettquh”.

“Dan huwa vot ta’ fiduċja b’saħħtu immens fiż-żgħażagħ tagħna u se jkompli jibni fuq ir-riformi importanti li għamilna fis-snin li għaddew fejn fost oħrajn tajna d-dritt tal-vot lil żgħażagħ ta’ 16-il sena u d-dritt lil żgħażagħ taħt it-18-il sena li jikkontestaw għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali. Dan kollu qed nagħmluh għax għandna fiduċja kbira fiż-żgħażagħ tagħna u fl-irwol attiv li jrid ikollhom fit-tħaddim tad-demokrazija tagħna,” temm jgħid il-Ministru Bonnici.

Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli qalet li s-Segretarjat għall-Gvern Lokali impenjat sabiex fil-ġimgħat li ġejjin jiskatta proċess ta’ diskussjoni mal-imsieħba ewlenin tal-Gvern Lokali bil-għan li jkun hemm programmi ta’ mentoring sabiex kull min jiġi elett biex iservi fil-Kunsill Lokali jkun konxju tal-obbligi u d-dmirijiet li jkun daħal għalihom irrispettivament mill-età.

“Dan il-Gvern minn dejjem kellu fiduċja kbira fiż-żgħażagħ Għawdxin u Maltin, u permezz ta’ din il-bidla leġiżlattiva fil-qasam tal-Gvern Lokali ser ikompli jsostni u jsaħħaħ dik il-fiduċja għaliex jemmen fil-potenzjal u l-enerġija li jistgħu joffru irrispettivament mill-età,” saħqet is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli.

Hija għamlet ukoll referenza għall-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali skedati għas-sena d-dieħla fejn ħeġġet aktar żgħażagħ sabiex jikkontestaw u jkomplu jagħmlu d-differenza fis-soċjetà u l-komunitajiet li jgħixu fihom.

Dan l-abbozz ser ikun qed jipprovodi wkoll, fost emendi konsegwenzjali oħra, li sindku jew viċi sindku bejn is-16 u t-18-il sena jkun jista’ jwettaq atti tal-ħajja ċivili meta jkun qed jidher fuq dak l-att fil-vesti ta’ sindku jew viċi sindku.

Ekonomija

Sport