Malta se tkun qed tilqa’ lill-Venezwela f’partita ta’ ħbiberija fl-1 ta’ Ġunju bħala parti mill-preparazzjoni tat-tim għat-triple-header tal-UEFA Nations League kontra San Marino barra minn darna u f’darna u kontra l-Estonja f’darna.
Il-partita tintlagħab fl-Istadium Nazzjonali, f’Ta’ Qali, u tibda fis-7pm.
Għalkemm il-Venezwela, li bħalissa jinsabu fit-58 post fir-rankings uffiċjali tal-FIFA, qatt ma waslu għall-finali tat-Tazza tad-Dinja, huma kklassifikaw fil-ħames post fil-Copa America fl-1967 u fir-raba’ post fl-2011. Fl-2007, 2016 u 2019, waslu sal-istadju tal-kwarti-finali.
Bħalissa huma kkowċjati minn José Pékerman, ex coach tal-Arġentina u l-Kolombja.
Din il-logħba għalhekk għandha sservi ta’ test tajjeb għat-team immexxi minn Devis Mangia qabel it-test kontra San Marino erbat ijiem wara fis-San Marino Stadium u ż-żewġ logħbiet f’darna kontra l-Estonja fid-9 ta’ Ġunju u San Marino fit-12 ta’ Ġunju.