Malta se tkun rappreżentata mill-atleta tal-cross-country Jenny Axisa Eriksen fil-Logħob Olimpiku tax-Xitwa Milano Cortina 2026, u b’hekk timmarka r-raba’ parteċipazzjoni ta’ Malta fil-Logħob Olimpiku tax-Xitwa.
Ta’ 19-il sena, Axisa Eriksen diġà daħlet fl-istorja bħala l-ewwel atleta tal-cross-country li qatt irrappreżentat lil Malta f’dawn il-Logħob. Imwielda minn missier Norveġiż u omm Maltija, Axisa Eriksen skopriet il-passjoni tagħha għal dan l-isport minn età żgħira u ddedikat ruħha biex tikkompeti f’avvenimenti tal-ogħla livell, fosthom in-Norwegian Cup, il-Junior National Championships u l-World Championships li saru f’Trondheim. Kien waqt il-World Championships tal-2025 f’Trondheim li kisbet il-kwalifika tagħha għal dan il-Logħob Olimpiku.
Minn dak iż-żmien ’l hawn, hija intensifikat aktar il-programm ta’ taħriġ tagħha bi tħejjija għal-Logħob. Dan l-istaġun jimmarka wkoll l-ewwel sena tagħha tikkompeti bħala atleta tas-senior. Axisa Eriksen hi bbażata f’Lillehammer, fejn qed titħarreġ ma’ Team Hedmark Sjusjøen taħt il-gwida tal-kowċ Henrik Pedersen. L-istaġun tagħha inkluda parteċipazzjoni f’diversi kompetizzjonijiet ta’ livell għoli, fosthom in-Norwegian Season Opening, in-Norwegian Cup, l-Scandinavian Cup f’Östersund, l-Isvezja, u l-German Cup f’Hohenzollern-Abersee.
Jenny Axisa Eriksen se ġġorr il-bandiera Maltija waqt iċ-Ċerimonja tal-Ftuħ ġeww Predazzo fejn se jkun ibbażat Team Malta. Din iċ-ċerimonja se ssir fis-6 ta’ Frar fl-Istadium tal-Iski Jumping.
Il-Chef de Mission tal-Logħob Olimpiku tax-Xitwa Milano Cortina 2026 hija Maria Vella-Galea, Direttur tal-Media u r-Relazzjonijiet Pubbliċi tal-Kumitat Olimpiku Malti. Magħha se jingħaqdu Charlene Attard, Direttur tal-Isport, u l-kowċ Henrik Skjervold Pedersen. Il-President tal-Kumitat Olimpiku Malti Julian Pace Bonello u s-Segretarju Ġenerali Kevin Azzopardi se jattendu l-Logħob bħala mistednin tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali.
Il-parteċipazzjoni ta’ Malta f’Milano Cortina 2026 timmarka r-raba’ darba li l-pajjiż ikkompetiet fil-Logħob Olimpiku tax-Xitwa. Atleti Maltin preċedenti fil-Logħob Olimpiku tax-Xitwa kienu Elise Pellegrin (Alpine Skiing) f’Sochi 2014 u PyeongChang 2018, u Jenise Spiteri (Snowboarding) f’Beijing 2022.

