Saturday, November 22, 2025

Malta se toffri taħriġ lill-ħaddiema taċ-ċivil tal-Awtorità Palestinjana

Aqra wkoll

Malta qed toffri li tħarreġ lill-ħaddiema taċ-ċivil Palestinjani, hekk kif qed tkompli tappoġġa lill-Awtorità Palestinjana fit-triq lejn is-soluzzjoni ta’ żewġ stati fil-Palestina u fl-Iżrael.

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg ħabbar din l-inizjattiva meta kien qed jitkellem fl-ewwel plenarja ministerjali tal-Grupp tad-Donaturi għall-Palestina, li saret fl-istess jum tal-laqgħa ta’ Novembru tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tal-UE, fi Brussell, il-Ħamis waranofsinhar. 

Taħt it-tmexxija tal-Kummissarju Ewropew għall-Mediterran, Dubravka Šuica, u l-Prim Ministru tal-Istat tal-Palestina Mohammad Mustafa, il-Grupp tad-Donaturi għall-Palestina laqqa’ flimkien stati membri tal-UE, esponenti ewlenin tar-reġjun u msieħba internazzjonali oħrajn, biex flimkien jappoġġjaw lill-Awtorità Palestinjana fir-riformi li qed tagħmel.

Dr Borg spjega li filwaqt li Malta qed tkompli tgħin lill-poplu Palestinjan permezz ta’ aġenziji tan-Nazzjonijiet Magħquda u organizzazzjonijiet umanitarji oħrajn, bħala parti mill-inizjattiva tal-Grupp tad-Donaturi għall-Palestina issa qed toffri wkoll programmi ta’ tkattir t’għarfien u kapaċità għall-ħaddiema taċ-ċivil tal-Awtorità Palestinjana, bis-sehem tal-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi tal-Gvern Malti. 

“Il-bini ta’ qafas istituzzjonali tal-istat jibqa’ element kruċjali sabiex ikun hemm governanza effettiva mill-Awtorità Palestinjana fil-ħidma tagħha lejn is-soluzzjoni ta’ żewġ stati, u kif xieraq, Malta se tkun qed tikkontribwixxi għal dan l-għan ukoll,” huwa stqarr.

Id-Deputat Prim Ministru Malti nnota li wara għadd ta’ żviluppi riċenti, fosthom il-konferenza internazzjonali ta’ livell għoli tan-Nazzjonijiet Magħquda dwar is-soluzzjoni ta’ żewġ stati f’Settembru, il-waqfien mill-ġlied f’Gaża, u d-deċiżjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà li tapprova l-Pjan ta’ Paċi tal-Istati Uniti għal Gaża, ma jistax ikun hemm żmien aħjar għal iktar progress u bidla.

“L-Awtorità Palestinjana teħtieġ l-appoġġ kontinwu tagħna biex twettaq l-aġenda tar-riformi tagħha, lejn governanza effettiva, biex tibni qafas istituzzjonali, u biex tipprovdi s-servizzi bażiċi u infrastruttura pubblika meħtieġa. Dan kollu jgħin biex terġa’ tikseb il-leġittimità demokratika, ir-responsabbiltà u l-kredibiltà. Il-Grupp tad-Donaturi għall-Palestina jagħtina l-opportunità perfetta biex nagħmlu dan – nixprunaw lill-poplu Palestinjan biex jilħaq l-aspirazzjonijiet tiegħu għal Stat Palestinjan li jgħix biswit dak ta’ Iżrael,” qal Ian Borg.

Aktar kmieni nhar il-Ħamis, waqt il-laqgħa tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin, Malta laqgħet it-tnedija tal-Patt għall-Mediterran, aktar kmieni din il-ġimgħa, bħala opportunità għall-Unjoni Ewropea biex tagħti ħajja ġdida lis-sħubija tagħha ma’ msieħba ewlenin qrib tagħha fil-Mediterran.

Id-Deputat Prim Ministru Borg tkellem ukoll dwar l-isforzi kontinwi tal-UE biex tegħleb it-theddida tal-hekk imsejħa shadow fleet Russa, u l-impatti tagħha fuq l-effettività tas-sanzjonijiet kontra l-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna. 

“Bħala stat marittimu, Malta tifhem kemm il-baħar jista’ joffri opportunitajiet, iżda fl-istess waqt joħloq dgħufija. Aħna lesti naħdmu ma’ dawk kollha konċernati biex insaħħu s-sigurtà marittima u niżguraw li s-sanzjonijiet kontra r-Russja jiġu infurzati b’mod effettiv, billi nxekklu l-operat ta’ din ix-shadow fleet, iżda fl-istess ħin insaħħu l-irwol tal-Ewropa bħala attur marittimu serju,” stqarr Dr Borg.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport