Il-Ministeru għall-Finanzi jilqa’ b’sodisfazzjon l-istqarrija riċenti maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO), li tikkonferma li d-defiċit ta’ Malta naqas b’mod sinifikanti aktar milli kien mistenni. Dan b’tali mod li qabżet kemm it-tbassir tad-defiċit kif ukoll dak tad-dejn għall-2024.
Dan l-iżvilupp huwa frott ta’ tmexxija finanzjarja responsabbli, miżuri mmirati u governanza għaqlija, li kollha flimkien wasslu biex pajjiżna jkompli jsaħħaħ il-finanzi pubbliċi tiegħu. Grazzi għal dawn l-isforzi, Malta issa mistennija toħroġ mill-Proċedura ta’ Defiċit Eċċessiv sentejn qabel il-previżjonijiet inizjali.
Ir-rapporti juru li d-defiċit għall-2024 kien ta’ 3.7%, titjib ta’ 0.8 punti perċentwali fuq it-tbassir oriġinali ta’ 4.5%. Barra minn hekk, ir-rata tad-dejn naqset għal 47.4% tal-GDP, b’titjib qawwi ta’ 7.9 punti perċentwali meta mqabbel mat-tbassir ta’ 55.3%.
It-tbassir tad-defiċit għall-2025 qed jiġi aġġustat minn 3.5% għal 3.3%, konferma oħra tal-impenn tal-Gvern lejn tmexxija ekonomika soda u responsabbli.
“L-istqarrija tal-lum mill-NSO hija xhieda ċara li l-istrateġija ekonomika tal-Gvern kienet waħda soda u effettiva. Minkejja l-isfidi, irnexxielna nnaqqsu d-defiċit mingħajr ma ostakolajna t-tkabbir ekonomiku. Dan kollu grazzi għal governanza għaqlija u miżuri responsabbli, li ppermettilna wkoll li nimplimentaw il-miżuri ferm kbar tal-Budget li ser igawdi minnhom iċ-ċittadin,” sostna l-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana waqt konferenza tal-aħbarijiet it-Tlieta.
Il-ħruġ bikri mill-Proċedura ta’ Defiċit Eċċessiv huwa pass kruċjali fit-triq tal-irkupru ekonomiku u jibgħat messaġġ ċar ta’ stabbiltà, dixxiplina u serjetà.
Il-Ministeru għall-Finanzi jibqa’ impenjat li jżomm il-finanzi pubbliċi f’sitwazzjoni sostenibbli filwaqt li jkompli jinvesti fil-familji Maltin u Għawdxin.