Friday, July 4, 2025

Malta se tospita l-akbar avveniment internazzjonali tal-ġinnastika f’dawn l-aħħar 25 sena – 300 atleta minn 28 klabb differenti madwar id-dinja

Aqra wkoll

Matul dan ix-xahar, Malta se tkun qed tilqa’ l-akbar ġabra ta’ ġinnasti internazzjonali li qatt sar f’dawn l-aħħar 25 sena, hekk kif il-GymStars Gymnastics Club ser jospita aktar minn 300 atleta minn 28 klabb internazzjonali għal kompetizzjoni prestiġjuża li ser tiġi segwita minn kamp ta’ taħriġ elite.

Klabb minn l-Afrika t’Isfel, l-Italja, is-Slovenja, il-Polonja, Monaco, Franza, il-Greċja, ir-Renju Unit, l-Iżvizzera, in-Norveġja, il-Belġju, Dubai u ħafna pajjiżi oħra se jkunu qed iżuru lil Malta biex jieħdu sehem f’dan l-avveniment prestiġjuż li jpoġġi lil Malta fuq il-mappa internazzjonali tal-ġinnastika. Wara l-kompetizzjoni se jsegwi l-kamp internazzjonali Sunlive WAG, maħsub għal ġinnasti li qed jitħarrġu taħt il-programm FIG (Federazzjoni Internazzjonali tal-Ġinnastika).

Dan il-kamp se jkun immexxi minn esperti Olimpiċi ta’ livell għoli, u se jipprovdi opportunità unika biex l-atleti jitħarrġu ma’ u mingħand il-aqwa speċjalisti fid-dinja. Fost l-atleti Maltin li se jieħdu sehem hemm: Sophie St John, rebbieħa tad-deheb fil-Logħob tal-Pajjiżi Żgħar, Lyana Curmi Inguanez, Iż-żewġ aħwa magħrufa bħala “The Dou Twins”, Janet u Julia Galea. Magħhom se jingħaqdu atleti elite minn diversi pajjiżi oħra, fosthom rebbieħa tal-bronż mill-Iżlanda, kif ukoll ġinnasti oħra b’talenti kbar li ġejjin minn kull naħa tal-Ewropa u lil hinn.

Matul dan il-kamp, Sunlive Malta se tkun qed torganizza wkoll workshops professjonali għall-kowċis, immexxija minn tutors ta’ livell Olimpiku – inizjattiva biex jiġu mtejba u żviluppati l-ħiliet u l-istrateġiji tal-kowċing f’Malta. Il-kowċ għoli tal-prestazzjoni Maltija, Nataliya Berehova, se taħdem id f’id mal-esperti Olimpji waqt dan il-kamp, bħala parti mill-impenn kontinwu tagħha biex ittejjeb il-livell tal-ġinnastika lokali.

Nataliya u Sophie St John bħalissa wkoll qed jitħarrġu sabiex jirrappreżentaw lil Malta f’kompetizzjoni oħra importanti f’Kroazja, wara li Sophie kisbet suċċess notevoli f’Andorra, li wassal għas-selezzjoni tagħha. Dan l-avveniment u kamp ta’ taħriġ internazzjonali mhux biss huma pass importanti għall-GymStars Gymnastics Club, iżda wkoll juri l-kapaċità ta’ Malta li tospita avvenimenti sportivi ta’ livell għoli u tkompli trabbi talent sportiv ta’ klassi mondjali.

GymStars Gymnastics Club jixtieq jirringrazzja b’mod sinċier lil SportMalta, il-Federazzjoni Maltija tal-Ġinnastika, u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) għall-appoġġ kontinwu tagħhom u għall-kontribut importanti biex dan l-avveniment isir realtà.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport