Wara waqfa qasira, Voomquest ser terġa’ lura b’enerġija mġedda biex twassal it-tiġrijiet tal-powerboats. Dawn it-tiġrijiet huma mimlija adrenalina, u għal darb’oħra ser jpoġġu lil Malta fuq il-pedestal tax-xena internazzjonali.
Malta se tospita l-ewwel round tal-Kampjonati Dinjija UIM Pleasure Navigation bejn is-17 u d-19 ta’ April 2026, b’tiġrijiet li se jsiru fl-ibħra ta’ Sliema u l-Port il-Kbir.
Organizzat minn Voomquest taħt l- awspiċi tal-Malta Powerboat Federation u l-Union Internationale Motonautique (UIM), l-avveniment se jilqa’ flotta internazzjonali li se tikkompeti f’diversi klassijiet.
Total ta’ 28 team – li jirrappreżentaw lil Malta, il-Belġju, l-Italja u l-Ingilterra – mistennija jieħdu sehem.
Avveniment Internazzjonali ta’ Livell Għoli
Il-kampjonat se jinkludi programm sħiħ ta’ tiġrijiet u testijiet, li jibda b’ġirjiet ta’ veloċità f’linja dritta fil-Port il-Kbir qabel ma jgħaddu għal tiġrijiet fuq ċirkwit barra minn Tas-Sliema fuq kors teknikament impenjattiv ta’ 3.54 mil nawtiku.
Il-qalba tal-avvenimnt se jkun ibbażat f’Boilers Wharf fl-Isla, u se jittrasforma l-Port il-Kbir f’ċentru ta’ attività, li jgħaqqad kompetizzjoni ta’ livell għoli ma’ esperjenza indimentikabbli għall-ispettaturi.
Matul dan it-tmiem il-ġimgħa, il-kompetituri se jikkontestaw żewġ tiġrijiet uffiċjali tal-Kampjonat Dinji, flimkien ma’ avvenimenti nazzjonali ta’ straight-run, li jwasslu għal ċerimonja ta’premijiet nhar il-Ħadd filgħaxija.
Se tiġi allokata żona apposta għall-ispettaturi fis-Surfside Lido, li toffri veduta ideali tal-azzjoni fuq il-baħar matul il-jumejn ta’ kompetizzjoni.
Is-Sibt, l-ispettaturi se jkunu jistgħu jsegwu s-sessjonijiet ta’ prattika bejn l-10.00 am u 12.00 pm, u t-tiġrijiet bejn is-2.00 pm u l-4.00 pm. Il-Ħadd, l-aħħar tiġrija isseħħ fl-10.30 am sas-1.00 pm.
L-ewwel straight runs se jsiru nhar il-Ġimgħa filgħodu bejn l-10.00 am u 12.00 pm u bejn is-2.00 pm u l-4.00 pm. Sessjonijiet oħra huma skedati għall-Ħadd bejn is-2.00 pm u l-5.00 pm, bl-aħjar veduta tkun mill- ponta tal-Isla.
Dwar Voomquest
Fil-qalba ta’ din l-inizjattiva hemm Voomquest, immexxija minn Aaron Ciantar, pijunier ta’ dan l-isport u rebbieħ ta’ ħames kampjonati dinjija tal-UIM.
F’dawn l-aħħar snin, Voomquest kellha rwol ewlieni fit-tisħiħ mill-ġdid tat-tiġrijiet offshore f’Malta billi ġabet aktar struttura, allinjament internazzjonali aktar b’saħħtu, u viżibbiltà ġdida għall-isport.
L-approċċ tal-Voomquest jgħaqqad eċċellenza kompetittiva ma’ dimensjoni b’saħħita ta’ stil ta’ ħajja, bil-għan li tattira timijiet elite filwaqt li tinvolvi udjenza usa’ u tappoġġja t-tkabbir fit-tul tal-isport lokalment.
Meta ta l-kummenti tiegħu dwar l-avveniment, Aaron Ciantar qal:
“Li nġibu round tal-Kampjonat Dinji f’Malta hija xi ħaġa li aħna kburin ħafna biha. Dan l-avveniment jirrifletti l-progress li għamilna bħala sport, u l-ambizzjoni tagħna li nkomplu nsaħħu l-pożizzjoni ta’ Malta bħala destinazzjoni importanti għat- tiġrijiet internazzjonali tal-powerboats.
“Wara żmien qasir ta’ pawsa, huwa b’ħeġġa li nerġgħu lura b’avveniment ta’ dan il- livell u nuru x’aħna kapaċi nagħmlu kemm fl-ibħra tagħna kif ukoll bħala timijiet.”
Kredenzjali B’Saħħithom fl-Isport Marittimu Malti
L-organizzazzjoni ta’ round tal-Kampjonat Dinji UIM jirrifletti l-kredenzjali b’saħħithom ta’ Malta bħala pajjiż li jospita avvenimenti sportivi fuq livell internazzjonali. Bis-saħħa tal-port naturali tagħha, kundizzjonijiet favorevoli f’April, u kapaċità organizzattiva, Malta toffri pjattaforma ideali għal kompetizzjoni ta’ livell għoli.
L-avveniment huwa appoġġjat minn imsieħba ewlenin fosthom Visit Malta u Enemed, li jkomplu jenfasizzaw l-importanza strateġika tal-isport għat-tkabbir f’din it- taqsima ta’ turiżmu sportiv, kif ukoll viżibbiltá internazzjonali.

