Il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol se jospita l-Laqgħa Ministerjali MED5 li ser issir fil-Kottonera, Malta. Il-laqgħa se tiġbor flimkien il-ministri responsabbli għall-Intern, il-Migrazzjoni, u l-Ażil minn Ċipru, il-Greċja, l-Italja, Malta u Spanja. Il-Kummissarju Ewropew għall-Affarijiet Interni u l-Migrazzjoni, Magnus Brunner, se jattendi wkoll, flimkien ma’ rappreżentant mid-Danimarka, li bħalissa għandha l-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Din il-laqgħa ta’ livell għoli hija parti mill-kooperazzjoni kontinwa u b’saħħitha bejn l-Istati Membri li huma l-aktar milquta fil-Mediterran li qed jiffaċċjaw sfidi komuni fil-qasam tal-migrazzjoni. Malta se tibqa’ parti integrali minn dan il-grupp minkejja t-tnaqqis sinifikanti fil-wasliet irregolari rreġistrati fl-aħħar snin, miksub permezz tal-investiment sostnut tal-Gvern fl-oqsma tal-prevenzjoni u r-ritorni.
Il-laqgħa se tiffoka fuq kwistjonijiet relatati mal-migrazzjoni irregolari, b’enfasi partikolari fuq l-implimentazzjoni tal-Patt Ewropew dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil. Il-punt fokali ta’ dawn id-diskussjonijiet se jkun l-istabbiliment tal-pool annwali ta’ solidarjetà – pass essenzjali biex jinħoloq qafas ta’ migrazzjoni koerenti, ġust u reżiljenti madwar l-UE.
Il-ministri se jiddiskutu miżuri biex isaħħu d-dimensjoni esterna tal-migrazzjoni tal-UE, billi jirrikonoxxu l-importanza kritika tagħha biex jiġu indirizzati l-isfidi li jġibu magħhom il-migrazzjoni irregolari. Id-diskussjonijiet se jiffukaw fuq dawn l-elementi:
- Prevenzjoni ta’ wasliet irregolari permezz ta’ kooperazzjoni mtejba ma’ pajjiżi ta’ oriġini u transitu;
- Żieda fir-rata tar-ritorni—volontarja fejn possibbli, infurzata fejn meħtieġ—għal individwi li m’għandhomx dritt legali li jibqgħu;
- L-espansjoni u s-saħħa ta’ ftehimiet ta’ kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi;
- Appoġġ għal inizjattivi mmirati biex jindirizzaw il-kawżi reali tal-migrazzjoni irregolari; u
- Jittieħdu deċiżjonijiet dwar mezzi li jfixklu n-networks ta’ kuntrabandu li jissfruttaw individwi vulnerabbli, jħeġġu l-instabbiltà, u jiffaċilitaw il-migrazzjoni irregolari lejn l-UE, filwaqt li jesploraw modi kif itejbu l-kooperazzjoni operattiva biex jitneħħew dawn in-networks, inklużi l-attivitajiet tagħhom f’pajjiżi ta’ oriġini u transitu.
Il-Ministru Byron Camilleri qal li “Għalkemm Malta naqqset b’suċċess l-wasliet irregolari b’93% matul l-aħħar ħames snin, pajjiżna għadu jilgħab rwol attiv u responsabbli ġewwa l-Unjoni Ewropea u fil-grupp MED5. Jibqa’ ta’ importanza essenzjali li naħdmu flimkien biex nilħqu kunsens u nħeġġu azzjoni konkreta biex inwaqqfu l-migrazzjoni irregolari, nisfaxxaw in-networks kriminali li jagħmlu profitt minnha, u niżguraw politika ta’ migrazzjoni ġusta u bilanċjata.”
“Aħna impenjati għal sistema li tirritorna l-migranti irregolari li m’għandhomx bżonn protezzjoni internazzjonali lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, filwaqt li nżommu l-obbligi u l-valuri tagħna. Malta hija kburija li qed tospita d-disa’ laqgħa ministerjali ta’ MED5, wara s-summit ta’ suċċess li sar f’Marzu 2023, u nistennew bil-ħerqa li nkomplu ngħinu għal approċċ Ewropew aktar b’saħħtu u koerenti,” temm jgħid il-Ministru Camilleri.


