Wednesday, November 27, 2024

Malta ser tospita l-IPF Powerlifting World Championships f’Ġunju li ġej 

Aqra wkoll

Malta ser tospita l-IPF Powerlifting World Championships f’Ġunju li ġej. Dan l-avveniment mondjali sportiv ser ikun qiegħed jara f’pajjiżna l-wasla ta’ 500 atleta ġejjin minn 60 pajjiż differenti. 

It-timijiet prinċipali ser jiġu minn l-Istati Uniti, Franza, ir-Renju Unit, l-Italja, il-US Virgin Islands, il-Kanada, l-Isvezja u t-Tajwan li ser jinkludu 60 persuna għal kull delegazzjoni. 

Il-wasla ta’ dan it-turnew mondjali huwa mistenni jiġġenera madwar 10,000 bed night fuq medda ta’ sebat iljieli. 

Apparti l-effett pożittiv fuq it-turiżmu, dan l-avveniment ser iservi wkoll bħala reklam b’saħħtu għall-gżejjer Maltin permezz ta’ promozzjoni estensiva fuq l-istazzjoni mondjali sportiv Eurosport li jlaħħaq medja ta’ 300 miljun telespettatur.

L-avveniment msemmi ser jixxandar wkoll fuq stazzjonijiet tal-isport mill-Amerka t’Isfel, l-Asja kif ukoll fuq il-mezzi soċjali. 

Dawn id-dettalji tħabbru f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo u s-Senior Marketing Manager tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Arthur Grima fil-preżenza tal-organizzaturi ta’ dan l-avveniment. 

Il-Ministru Clayton Bartolo saħaq li dan il-kampjonat dinji se jservi bħala għodda b’saħħitha biex tittejjeb l-viżibilità ta’ Malta fuq il-mappa tad-dinja. “M’hemmx dubju li avveniment bħal dan ser isaħħaħ il-prospetti li pajjiżna jkun ċentru ta’ eċċellenza fil-Mediterran għas-snin li ġejjin,” temm jgħid il-Ministru Bartolo.

Sport