Malta ser tkun qed tospita l-laqgħa li jmiss tal-MED5, wara qbil bejn il-Ministri waqt is-summit tal-MED5 li sar fl-Italja.
Laqgħa li għaliha attenda l-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri f’Napli, l-Italja flimkien mal-Ministri responsabbli għall-Affarijiet Interni u l-Migrazzjoni ta’ Ċipru, il-Greċja, l-Italja u Spanja. Id-diskussjonijiet iffukaw fuq l-implimentazzjoni tal-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil, id-dimensjoni esterna tal-migrazzjoni u r-ritorni. Fil-laqgħa attendew ukoll il-Kummissarju tal-UE għall-Affarijiet Interni u l-Migrazzjoni, Magnus Brunner, u d-Direttur Eżekuttiv tal-Frontex Hans Leijtens.
Il-Ministru Camilleri nnota kif Malta għamlet titjib kbir f’dawn l-aħħar snin sabiex tindirizza l-isfidi marbuta mal-migrazzjoni irregolari, inkluż billi żiedet ir-riżorsi tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, investiet fir-ritorni u ħadmet fuq il-kuntatt ma’ pajjiżi terzi, ħidma li ħalliet ir-riżultati u kienet effettiva. Fil-fatt is-sena l-oħra Malta rreġistrat tnaqqis ta’ 93% fin-numru ta’ wasliet irregolari meta mqabbel ma’ ħames snin ilu, filwaqt li r-rata ta’ ritorni kienet qed tiżdied b’mod konsiderevoli sena wara sena. Il-Ministru enfasizza li hemm relazzjoni diretta bejn in-numru ta’ wasliet irregolari u r-rata ta’ ritorni filwaqt li nnota kif dawn l-isforzi ser ikomplu jissaħħu permezz tal-implimentazzjoni tal-Patt. Madanakollu, il-Ministru nnota wkoll kif bil-Patt il-pajjiżi tal-MED5 qed jieħdu responsabbiltajiet sinifikanti u għalhekk hemm bżonn li jiġi żgurat li l-isfidi li jiffaċċjaw il-pajjiżi Mediterranji tal-fruntiera jiġu kkunsidrati sew.
Il-Ministri enfasizzaw kif filwaqt li Malta hija impenjata bis-sħiħ lejn l-implimentazzjoni sħiħa tal-Patt, wieħed irid ikun realistiku u jirrikonoxxi l-fatt li filwaqt li l-Patt għandu diversi elementi pożittivi, waħdu mhux ser jindirizza l-isfidi li qed niffaċċjaw bil-migrazzjoni irregolari. F’dan ir-rigward il-Ministru Camilleri nnota kif id-dimensjoni esterna tal-migrazzjoni hija kruċjali biex jiġu indirizzati l-isfidi li qed niffaċċjaw illum, li jeħtieġu sforzi akbar fl-oqsma tal-prevenzjoni u r-ritorn.
Il-Ministru enfasizza l-importanza ta’ soluzzjonijiet innovattivi peress li l-metodi li ntużaw fil-passat sfortunatament naqsu milli jagħtu r-riżultati meħtieġa. B’mod partikolari, il-Ministru enfasizza t-twaqqif ta’ ċentri ta’ ritorn f’pajjiżi terz għal persuni li ma jikkwalifikawx għall-ażil u sostna kif dan ikun metodu innovattiv biex effettivament ineħħi l-inċentivi għall-migranti ekonomiċi li jiġu fl-Unjoni Ewropea b’mod irregolari.
Il-Ministru Camilleri laqa’ b’sodisfazzjon il-Proposta għal Regolament dwar ir-Ritorn imnedija mill-Kummissjoni f’Marzu, li fost elementi oħra tespandi d-definizzjoni tal-pajjiż ta’ ritorn biex tippermetti b’mod ċar l-istabbiliment ta’ ċentri ta’ ritorn f’pajjiżi terzi, l-introduzzjoni ta’ obbligi għal dawk li jirritornaw biex jikkooperaw mal-awtoritajiet u konsegwenzi ċari f’każ ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni. Il-Ministru enfasizza wkoll il-ħtieġa li tiżdied il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi billi jinbnew sħubijiet strateġiċi bbażati fuq fiduċja reċiproka.
Il-Ministri ta’ Malta, Ċipru, il-Greċja, l-Italja u Spanja ffirmaw Dikjarazzjoni Konġunta b’antiċipazzjoni tal-Laqgħa tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni li se ssir fit-12-13 ta’ Ġunju 2025.