Is-sena li ġejja Malta ser tkun qed tospita t-Tielet Simpożju tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) dwar is-sistemi tas-saħħa diġitali. Dan kien maqbul waqt laqgħat fid-Danimarka bejn il-Ministru għas-Saħħa u Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela u d-Direttur Reġjonali tal-WHO, Dr Hans Kluge u d-Diretturi tal-Kunsill Eżekuttiv tal-WHO.
Lejn l-aħħar kwart tas-sena d-dieħla, Malta ser tospita dan is-Simpożju għar-Reġjun Ewropew tal-WHO. Fost oħrajn, din il-laqgħa ser tlaqqa’ professjonisti kliniċi, dawk li jfasslu l-politika u s-settur privat.
Il-Ministru Jo Etienne Abela laqa’ b’sodisfazzjon din l-aħbar fejn għal darb’oħra pajjiżna ser ikun fuq quddiem f’inizjattivi għas-settur tas-saħħa. Huwa sostna li Malta tappoġġja l-inizjattivi tal-WHO fil-qasam tas-saħħa diġitali u spjega kif bl-appoġġ tal-WHO, pajjiżna qed ifassal Strateġija għas-Saħħa Diġitali li ser titnieda għal konsultazzjoni pubblika aktar tard din is-sena fejn ser tistabbilixxi viżjoni sal-2030 f’dan il-qasam.