Wednesday, February 18, 2026

Malta ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħha fl-ekonomija spazjali globali

Aqra wkoll

F’konferenza organizzata minn Xjenza Malta flimkien ma’ FinanceMalta, stakeholders mis-setturi bankarji, tal-assigurazzjoni, legali u governattivi ltaqgħu biex jiddiskutu l-konverġenza bejn it-teknoloġiji spazjali u s-servizzi finanzjarji. L-avveniment serva bħala pjattaforma biex jiġi esplorat kif id-data mis-satelliti qed toħloq mudelli ġodda ta’ negozju u ttejjeb l-immaniġġjar tar-riskju f’oqsma bħall-compliance u l-finanzi.

Waqt li kien qed jindirizza lill-parteċipanti, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti enfasizza li l-ekonomija spazjali m’għadhiex settur imbiegħed, iżda forza li diġà qed tittrasforma s-servizzi professjonali globali. “Din il-konferenza wriet biċ-ċar l-impenn ta’ Malta li tiżgura li s-servizzi professjonali tagħha huma attrezzati sabiex jisfruttaw it-teknoloġiji spazjali, jattiraw investiment ta’ valur għoli, u jikkontribwixxu għat-tkabbir sostenibbli xprunat mill-innovazzjoni,” sostna s-Segretarju Parlamentari.

Iċ-Chairperson ta’ FinanceMalta, George Vella, innota b’sodisfazzjon l-opportunitajiet li qed jinbtu għas-settur finanzjarju Malti f’din l-ekosistema globali. Is-Sur Vella stqarr li, “Malta dejjem poġġiet ruħha fuq quddiem nett fejn tidħol l-innovazzjoni. L-ekonomija spazjali qed tippreżentalna opportunità unika biex is-setturi finanzjarji, tal-assigurazzjoni u dawk legali tagħna jkunu minn ta’ quddiem globalment billi jmexxu mudelli ta’ negozju ġodda u jsaħħu l-oqsfa regolatorji.”

Il-konferenza indirizzat ukoll ix-xenarju regolatorju u leġiżlattiv ta’ Malta li dejjem qed jevolvi, b’fokus fuq l-Istrateġija Nazzjonali Spazjali u l-Att dwar l-Attivitajiet Spazjali. Dawn jipprovdu qafas robust għat-tkabbir u l-investiment, filwaqt li jiffaċilitaw il-kollaborazzjoni bejn setturi differenti.

Id-diskussjonijiet xeħtu dawl ukoll fuq l-opportunitajiet ta’ finanzjament offruti mill-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA) u l-Unjoni Ewropea, kif ukoll fuq l-applikazzjonijiet prattiċi tal-osservazzjoni tad-Dinja. L-interess qawwi f’dan l-avveniment kien rifless fil-preżenza ta’ bosta rappreżentanti minn kumpaniji fintech, banek, ditti legali, u entitajiet ta’ investiment.

Permezz ta’ dawn l-inizjattivi, is-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, flimkien ma’ Xjenza Malta, qed ikomplu jaħdmu biex ipoġġu lil Malta bħala ċentru kredibbli u kompetittiv fl-ekosistema spazjali globali.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport