Monday, May 20, 2024

Malta t-tieni fl-Ewropa fil-kura dwar il-kanċer tas-sider

Aqra wkoll

Fil-Parlament, il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela tkellem dwar il-ħidma li qed issir f’pajjiżna f’dak li jirrigwardja l-kura kontra l-kanċer. Huwa qal li l-istatistika qed turi lii fl-aħħar 10 snin, ir-rata ta’ kura f’Malta dwar il-kanċer tas-sider kienet fost l-aqwa fl-Ewropa, tant li f’dan ir-rigward pajjiżna qed jikklassifika fit-tieni post fl-Ewropa. 

“Dan juri biċ-ċar li s-sistemi tas-saħħa f’pajjiżna huma sistemi robusti li qed iħallu riżultati, u riżultati tajbin,” qal il-Ministru Abela meta kien qed iwieġeb mistoqsija parlamentari li saritlu mid-Deputata Laburista Davina Sammut Hili. 

Il-Ministru Abela tkellem ukoll dwar is-servizz tal-screening fejn innota li aktar nies qegħdin jersqu ‘l quddiem biex jiċċekkjaw lilhom infushom. “Għandna sistema li f’pajjiżna nistgħu naqbdu kanċers li huma fil-bidu. Nafu li meta dawn jinqabdu fil-bidu, iċ-ċansijiet li noffru kura dejjiema jkunu ħafna akbar,” tenna l-Ministru tas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva.

Huwa fakkar ukoll li għandna proċess fejn meta jkun identifikat xi tip ta’ tumur, il-pazjent kemm jista’ jkun malajr jibda jirċievi l-attenzjoni u l-kura neċessarja. Qal li dawn l-inizjattivi flimkien ma’ oħrajn f’dan il-qasam fosthom l-MR Linac, jixhdu kemm tassew għandna sistema robusta fejn jidħol it-trattament tal-kanċer li kulma jmur qiegħda tiġi modernizzata. “L-avvanzi li saru f’dan il-qasam fl-aħħar snin kienu notevoli,” temm jgħid il-Ministru Abela.

Sport