Friday, March 20, 2026

Malta ta’ Pawlu…

- Jikteb Anthony Agius Decelis

Aqra wkoll

Minn jaf kemm jiftahar San Pawl ma’ sħabu bil-fidi li ħalla fil-gżejjer Maltin u Għawdxin. Għax kif jgħid il-Malti kull deni ħudu b’ġid. Sa min’alla kienet il-maltempata li farkitu mal-blat għax li kieku kien jibqa’ tiela’ lejn Ruma u ma kienx ikollu l-ħin u ċ-ċans iħalli l-fidi u t-twemmin Nisrani u Kattoliku fost il-poplu Malti. Lanqas nimmagina x’kien jiġri kieku ma ġiex San Pawl Malta. Minn jaf kieku forsi konna nsiru Musulmani jew min jaf x’hiex.

Onestament nemmen li r-reliġjonijiet kollha għandhom ikollhom l-ispazju biex jgħallmu dak li jemmnu fih u kull individwu għandu jkollu l-libertà li jagħżel liema reliġjon hija tajba għalih. Liema reliġjon l-iktar jaħseb li għandha raġun u li jemmen dak li tgħidlu u jipprattika dak li tgħidu. 

Affarijiet li b’sorpriża 

joħroġ il-ġid minnhom

Aħna, grazzi għal San Pawl, Insara, Kattoliċi u jekk ngħidu kif inhi m’għandniex reliġjon faċli. Li tħobb lil kulħadd mhux dejjem faċli u li tħobb u taħfer anki lil min jagħmillek il-ħsara ma huwa faċli xejn. Ir-reliġjon tagħna hija bbażata fuq l-imħabba bl-ikbar regola, kmandament li “nħobbu lil xulxin kif ħabbna Sidna Ġesù Kristu”. Allura, din it-tip ta’ mħabba, hija mħabba bla ebda kundizzjoni u trid tkun lest li tagħti kollox għaliha. Imma dan kollu ma kienx iseħħ kif seħħ kieku ma kinitx dik il-maltempata u allura t-tagħlima minnha hija li anke minn affarijiet traġiċi u jidhru mhux mixtieqa u li joħduk b’sorpriża jista’ joħroġ il-ġid minnhom.

Elfejn sena wara li x-xini ta’ Pawlu tfarrak fuq il-Blat ta’ ‘San Pawl il-Baħar’ Malta għandha 313 knisja mxerrda mal-pajjiż kollu u 46 knisja f’Għawdex. 26 knisja kull distrett li hawn Malta. Ma hawn imkien fid-dinja kollha li f’post daqshekk żgħir bħal Malta ta’ 316-il kilometru kwadru hemm dik il-konċentrazzjoni daqshekk kbira ta’ knejjes. Allura, wieħed jista’ jgħid li din hija espressjoni ta’ fidi kbira li kellu l-poplu Malti u Għawdxi matul dan l-elfejn sena li għaddew.

Qaddis wieħed
Minkejja li għandna knisja għal kull ġurnata fis-sena (365 knisja) u allura l-poplu tagħna wera l-fidi tiegħu matul iż-żmien, mid-dehra ma tantx konna poplu tajjeb lanqas. Jekk kemm għandna qaddisin u kemm saru qaddisin mill-poplu tagħna jirrifletti kemm konna poplu tajjeb jew le, il-fatt li kull ma kellna f’dan iż-żmien kollu kien qaddis wieħed allura din tħalli ħafna lok għal diskussjoni x’jagħmlek qaddis u għaliex aħna bħala poplu ma għandniex iktar qaddisin. 

Naf ċert li kien hawn ħafna nies twajbin li għamlu ħafna ġid lill-komunità ta’ madwarhom u li mxew fuq it-tagħlim ta’ Sidna Ġesù Kristu. Ħafna drabi ħallew kollox warajhom biex jgħinu lil oħrajn.

San Pawl il-Baħar
Minkejja din l-istorja kbira li Malta għaddiet minnha u minkejja li San Pawl tkisser bix-xini tiegħu ġewwa San Pawl il-Baħar, aħna bħala Maltin ma tantx nieħdu vantaġġ minnha din. Jiġu kemm jiġi turisti u jmorru kemm imorru San Pawl il-Baħar ma hemm xejn x’juri li Malta għaddiet minn dan kollu. 

Bħala gżira turistika għandna nieħdu vantaġġ minn dan kollu u nagħmlu l-post fejn naħsbu li San Pawl tkisser mal-blat u nagħmluh attrazzjoni turistika. Hemm il-postijiet fir-Rabat fejn San Pawl kien jgħix u jitlob li wkoll jistgħu bħala pakkett wieħed ikunu minsugin flimkien ħalli joħorġu l-aħjar minn dan kollu. Naf ċert li din tkun attrazzjoni li tiġbed turiżmu reliġjuż u Malta b’istorja daqshekk sinjura fejn tidħol reliġjożità tkun ta’ doża iktar qawwija biex tintgħażel Malta bħala destinazzjoni.

Jidher ċar li t-turiżmu sejjer tajjeb ħafna għax fis-sena 2024 kellna 3.56 miljun turist jiġifieri żieda ta’ 19.5 fil-mija iktar meta kkomparat mas-sena ta’ qabel. Naf ċert imma li kemm il-Prim Ministru Abela kif ukoll id-Deputat Prim Ministru Borg dejjem lesti li jtejbu dak li diġà sejjer tajjeb u din bħal ħafna ideat oħra li jirċievu żgur li jagħtuha l-konsiderazzjoni tagħhom.

Mosta 50 sena wara
Fl-1975 it-titular tal-Madonna li huwa wara l-artal prinċipali kien inkurunat fl-10 ta’ Awwissu u allura din hija l-50 anniversarju ta’ din l-inkurunazzjoni. Biex ifakkru din il-ġrajja sabiħa u storika diversi għaqdiet mużikali, kulturali u reliġjużi qegħdin jagħmlu avvenimenti li jfakkru dan kollu. 

Il-pinna tas-Sur Marvic Camilleri naqqxet id-drama bl-isem ‘Gawhra Sbejħa’ li saret il-Ġimgħa 11 ta’ Lulju fuq iż-żuntier tal-knisja tal-Bażilika li għandha mal-406 snin. Dramm li attendew għalih pjazza nies u li ma ħalla l-ebda parti minn dak kollu li għaddiet il-Mosta u l-Mostin 50 sena ilu meta seħħet din il-ġrajja.

Attendejt ukoll għal attività oħra ġewwa l-Każin Nicolo Isouard fl-ewwel ta’ Awwissu għall-ftuħ tal-wirja ta’ ritratti relatati mal-inkurunazzjoni tal-kwadru titulari meqjum fis-Santwarju Bażilika tal-Mosta. Fost ħafna affarijiet li kien hemm f’din l-attività bħal diskorsi mill-mistieden speċjali Mons Brendan Gatt u siltiet mużikali mill-Kor Marija Assunta taħt id-direzzjoni ta’ Dr Bernard Bezzina, kien hemm filmat ta’ intervista li l-Avukat Schembri Agius għamel lil Monsinjur Bartolomew Bezzina li kien il-moħħ wara dak li ġara 50 sena ilu. 

Laqatni l-fatt li l-kuruna li saret lill-Madonna nġabret min-nies u mhux bilfors stajt tagħti donazzjonijiet ta’ flus imma kulħadd ta’ milli kellu u kif seta’. Allura, kien hemm min ta’ ċrieki tad-deheb li forsi kien qala’ għal griżma jew preċett u ma baqgħux jiġuh. Id-deheb kollu li nġabar iddewweb u ntuża biex issir din il-kuruna sabiħa li illum qegħdin niċċelebraw il-50 anniversarju tagħha.

Is-Sibt telgħali 103 deni u spiċċajt fis-sodda. Il-Ħadd kont għadni mdamdam b’ħafna pilloli miżjuda mad-dieta tiegħi u allura kelli nieqaf ngawdi dak kollu sabiħ li ħafna volontiera ilhom xhur jippreparaw għalina biex ngawdu. Xorta nirringrazzjahom tax-xogħol kbir li għamlu, naf ċert li ħafna japprezzaw dak kollu li tagħmlu għas-soċjetà tagħna. Nittama li jgħaddili malajr ħalli nkomplu fejn ħallejna.

Sliem.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport