Friday, September 26, 2025

Malta tafferma appoġġ qawwi għas-sovranità tal-Ukrajna fis-summit tal-Crimea Platform

Aqra wkoll

l-Prim Ministru Robert Abela afferma mill-ġdid l-appoġġ ta’ Malta għas-sovranità, l-indipendenza, u l-integrità territorjali tal-Ukrajna skont il-fruntieri rikonoxxuti internazzjonalment. Dan hekk kif indirizza l-ħames Summit tal-Crimea Platform fil-Kwartieri Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda, liema laqgħa kienet ippreseduta mill-President Ukren Volodymyr Zelensky.

Fir-rimarki tiegħu, il-Prim Ministru Abela enfasizza li ħdax-il sena mill-annessjoni furzata tagħha, il-Federazzjoni Russa qed tkompli tasserixxi l-okkupazzjoni illeġittima tagħha tal-Krimea u Sevastopol, bi ksur dirett tal-Karta tan-Nazzjonijiet Magħquda. Huwa saħaq li jingħataw lura t-territorji meħuda, mhux biss huwa essenzjali għall-Ukrajna nnifisha, iżda wkoll pass kruċjali lejn l-istabbiliment ta’ paċi ġusta, wiesgħa, u dejjiema.

Il-Prim Ministru esprima solidarjetà mar-residenti Ukreni taħt l-okkupazzjoni Russa fil-Krimea, u kkundanna t-tentattivi sistematiċi ta’ Moska biex tħassar l-identità u l-istil ta’ ħajja nazzjonali tal-Ukrajna. Huwa nnota li l-azzjonijiet tar-Russja, inkluż l-impożizzjoni furzata taċ-ċittadinanza, l-ikkontrollar bil-militar u l-intimidazzjoni, huma mmirati biex jibdlu b’mod permanenti n-nisġa demografika u kulturali tal-Krimea.

Huwa tkellem wkoll dwar id-deportazzjoni illegali ta’ tfal Ukreni mill-Krimea – azzjonijiet maħsuba biex jbiddlu l-identità u ċ-ċittadinanza tat-tfal. 

Meta tkellem f’isem pajjiżna, bħala l-President attwali tal-Kunsill tal-Ewropa, il-Prim Ministru enfasizza d-determinazzjoni tal-Gvern li jipprijoritizza l-protezzjoni tat-tfal milquta mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja. Huwa saħaq li Malta se tkompli tappella għar-ritorn sigur tat-tfal Ukreni kollha spostati bil-forza minn art twelidhom.

Il-Prim Ministru Abela saħaq li l-integrazzjoni mill-ġdid bi dritt tal-Krimea bħala parti mill-Ukrajna mhix negozjabbli, u appella lill-Federazzjoni Russa biex immedjatament treġġa’ l-okkupazzjoni illegali tagħha tal-Krimea flimkien mat-territorji ta’ Donetsk, Luhansk, Kherson, u Zaporizhzhia.

Is-Summit għalaq l-adozzjoni ‘Tad-Dikjarazzjoni ta’ New York’, li fiha l-parteċipanti qablu li jintensifikaw l-isforzi diplomatiċi, legali, u umanitarji biex itemmu l-okkupazzjoni illegali tar-Russja u biex jiżguraw li jkun hemm rendikont għall-ksur tagħha tad-dritt internazzjonali.

Il-Prim Ministru kien akkumpanjat mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg.

Il-Prim Ministru indirizza wkoll is-Summit tal-World Programme Action for Youth fejn saħaq fuq il-bżonn ta’ aktar żgħażagħ fuq il-mejda tad-deċiżjonijiet.

Tkellem fuq kif meta ż-żgħażagħ jingħataw spazju veru jkunu huma li joħorġu bis-soluzzjonijiet. Hawnhekk irrefera għall-Youth Advisory Forum li nħatar f’Malta u qed iservi ta’ Kabinett taż-żgħażagħ.

Il-Prim Ministru ta l-kelma lil Chloe Cauchi, avukat Maltija li qed isservi bħala Youth Delegate ta’ Malta fin-Nazzjonijiet Magħquda. Hija saħqet fuq l-investiment fl-edukazzjoni u fix-xogħol diċenti, il-ħarsien tad-drittijiet taż-żgħażagħ, is-saħħa mentali u l-aċċess għal għodod diġitali bħala temi li n-Nazzjonijiet Magħquda għandha tqiegħed fuq quddiem nett fl-okkażjoni tat-30 anniversarju mill-ħolqien tal-programm Action for Youth. Indirizza dan l-avveniment ukoll il-Kummissarju Ewropew f’isem pajjiżna, Glenn Micallef – dan fl-isfond tal-portafoll tiegħu li jkopri ż-żgħażagħ.

F’summit separat, li din id-darba kien organizzat minn pajjiżna bi sħab ma’ pajjiżi oħra, ġiet trattata t-tema tal-għoli fil-livelli tal-baħar – kawża tat-tibdil fil-klima.

Il-Prim Ministru fakkar kif it-tibdil fil-klima hija problema serja għall-pajjiżi li għandhom żoni qrib jew taħt tal-livell tal-baħar.

“F’pajjiżna għandna sistemi u studji li diġà qed isiru biex isir monitoraġġ ta’ żoni simili. Huwa importanti li nibqgħu nsegwu mill-qrib l-azzjoni internazzjonali f’dan il-qasam, filwaqt li nqassmu l-esperjenza li għandha Malta biex ngħinu lil pajjiżi oħra”, temm jgħid Dr Abela.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport