Sunday, September 14, 2025

Malta tafferma l-valuri tad-drittijiet fundamentali fil-Pride March

Aqra wkoll

L-attivitajiet tal-Pride Week laħqu l-qofol tagħhom bil-marċ ċelebrattiv fil-Belt Valletta organizzat mill-Allied Rainbow Communities bis-sehem ewlieni tal-komunità LGBTIQ+ u oħrajn li bil-preżenza tagħhom taw messaġġ ta’ appoġġ lill-mixja tal-komunità LGBTIQ+ biex tikseb l-ugwaljanza u xxejjen il-preġudizzji u d-diskriminazzjoni.

Mal-mexxejja tal-komunità mxew fost oħrajn il-Prim Ministru Dr Robert Abela u martu Dr Lydia Abela, is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rebecca Buttigieg u l-Kap tal-Oppożizzjoni Dr Alex Borg.

Il-Pride March u l-attivitajiet li saru matul din il-ġimgħa huma parti importanti mill-attiviżmu biex tikber il-viżibilità u l-għarfien tal-kisbiet u l-isfidi li għadhom jiffaċċjaw persuni minħabba l-ġeneru tagħhom. Il-Gvern jappoġġja anke finanzjarjament dawn l-attivitajiet bħala parti mill-implimentazzjoni tal-istrateġija u l-pjan ta’ azzjoni għall-ugwaljanza tal-persuni LGBTIQ+.

Is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg qalet li dan il-gvern għandu legat li huwa kburi bih għaliex b’diversi liġijiet u deċiżjonijiet amministrattivi ta d-dinjità, ir-rispett u d-drittijiet ċivili lil persuni LGBTIQ+. Żiedet tgħid li dan sar b’konvinzjoni għaliex dan il-gvern jemmen li d-drittijiet fundamentali tal-bniedem jgħoddu għal kulħadd mingħajr ebda distinzjoni.

Rebecca Buttigieg qalet li l-parteċipazzjoni numeruża fil-Pride ta’ din is-sena turi l-bidla kulturali li qed isir fis-soċjetà. Fakkret li meta 20 sena ilu sar għall-ewwel darba l-Pride March f’Malta kienu ħadu sehem inqas minn 50 persuna, għaliex sa dak iż-żmien il-persuni LGBTIQ+ ma setgħux jgħixu l-identità tagħhom minħabba l-preġudizzji tas-soċjetà.

Illum, qalet is-segretarju parlamentari, Malta hija kburija li sena wara sena għal dawn l-aħħar għaxar snin, ikklassifikat fl-ewwel post fl-Ewropa fid-drittijiet ċivili ta’ din il-komunità, għalkemm stqarret li fadal aktar x’isir biex jitwarrab l-għanqbut ta’ preġudizzji li għadu jippersisti fost x’uħud.

Wissiet li dawn il-preġudizzji jistgħu jwasslu għal inġustizzji u diskriminazzjoni li mhumiex aċċettabbli.

Is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg qalet li l-Gvern qiegħed jimplimenta l-istrateġija nazzjonali u l-pjan ta’ azzjoni biex dan ma jiġrix u qiegħed jipprovdi servizzi psikosoċjali lill-komunità u lill-familji ta’ persuni LGBTIQ+ biex ikunu indirizzati diversi sitwazzjonijiet.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport