Wednesday, July 17, 2024

Malta tappella lill-Iżrael biex jipproteġi lill-popolazzjoni ċivili f’Gaża

Il-Ministru Ian Borg jtenni s-sejħa għal waqfien mill-ġlied immedjat u l-ħelsien tal-ostaġġi kollha

Aqra wkoll

“Hekk kif l-Iżrael qed ifittex li jelimina t-theddida tal-Hamas, jeħtieġ ukoll li jagħmel kull sforz possibbli biex jipproteġi l-popolazzjoni ċivili f’Gaża. Jekk dan ma jsirx ifisser nuqqas morali u ksur tal-liġijiet internazzjonali, filwaqt li indirettament tkun qed issaħħaħ in-narrativa tal-Hamas.” Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg sostna din il-pożizzjoni waqt il-laqgħa tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea (UE) it-Tnejn, fil-Lussemburgu.

“Filwaqt li nirrikonoxxu d-dritt tal-Iżrael li jiddefendi lilu nnifsu, skont il-liġijiet internazzjonali, kontra t-theddida reali u kontinwa tal-Hamas, il-ħtiġijiet umanitarji tal-popolazzjoni f’Gaża ma jistgħux jintlaqgħu jekk ma jkunx hemm waqfien mill-ġlied minnufih. Se nkomplu wkoll ninsistu t-talba tagħna għall-ħelsien tal-ostaġġi kollha, immedjatament u bla ebda kundizzjoni,” stqarr il-Ministru Ian Borg.

Dwar il-gwerra ta’ aggressjoni Russa fl-Ukrajna, il-Ministru laqa’ dak li ħareġ mis-Summit dwar il-Paċi fl-Ukrajna li sar aktar kmieni dan ix-xahar fl-Isvizzera, li l-Ministru ħa sehem fih fl-irwol tiegħu ta’ Chairperson tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa (OSCE), flimkien mal-mexxejja ta’ 100 pajjiż u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra.

Il-ministru appella lil Stati Membri oħrajn biex ikomplu jibnu fuq il-momentum ta’ dan is-Summit sabiex jibqa’ jiżdied l-appoġġ globali. “Jeħtieġ inkomplu nitkellmu mal-pajjiżi li jista’ jkollhom fehma differenti ta’ kif għandu jkun il-proċess ta’ paċi, filwaqt li ninsistu li tibqa’ l-ambizzjoni li l-partijiet kollha konċernati jkunu involuti. Il-paċi tista’ tkun possibbli biss jekk tkun ibbażata fuq il-prinċipji fundamentali tas-sovranità u l-integrità territorjali, hekk kif iddikjarat fil-liġijiet internazzjonali, fosthom il-Karta tan-Nazzjonijiet Magħquda,” huwa temm jgħid.

It-Tnejn, il-Kunsill approva wkoll sanzjonijiet ġodda fuq il-gwerra Russa fl-Ukrajna, fosthom miżuri kontra evażjoni ta’ sanzjonijiet eżistenti u li se jipprojbixxu lil Stati Membri milli jagħtu servizzi lil bastimenti li jiffurmaw parti minn dik li tissejjaħ ix-shadow fleet Russa. Waqt in-negozjati fuq dan il-pakkett ta’ sanzjonijiet ġodda, Malta kisbet diversi kundizzjonijiet sabiex tissalvagwardja l-interess nazzjonali ta’ Stati Membri li huma gżejjer żgħar li jiddependu ħafna fuq it-trasport bil-baħar għall-importazzjoni.

Fuq l-aġenda tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tat-Tnejn kien hemm ukoll taħditiet mal-ministri tal-affarijiet barranin tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, kif ukoll aġġornament dwar is-sitwazzjoni fil-Georgia u r-Repubblika Demokratika tal-Kongo.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport