Il-Gvern Malti ssottometta applikazzjoni għall-assistenza finanzjarja mill-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (EUSF) minħabba l-ħsarat kbar li l-pajjiż ġarrab b’riżultat tal-maltempata Harry.
Il-Maltempata ġabet magħha rjieħ b’qawwa ta’ riefnu u mewġ kbir li kkaġuna ħsarat estensivi f’infrastruttura pubblika, l-inħawi kostali, l-art agrikola u anke lil servizzi essenzjali. Il-qawwa ta’ din il-maltempata waslet biex ikun hemm bżonn servizzi ta’ emerġenza, partikolarment bl-intervent tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u entitajiet oħra li ssejħu biex jgħinu f’bosta inċidenti madwar Malta u Għawdex.
L-applikazzjoni mill-Gvern Malti tinkludi rapport komprensiv u vverifikat tal-ħsarat ikkaġunati lil diversi setturi tal-pajjiż. Il-proċess tal-applikazzjoni sar b’koordinazzjoni bejn il-Ministeri tal-Gvern, entitajiet pubbliċi u s-settur privat. Dan l-isforz ikkordinat wassal biex setgħu jiġu identifikati u kkwantifikati l-ħsarat li mbagħad ġew iddokumentati skont kif jitolbu r-regoli tal-EUSF.
Skont l-istima tal-Gvern Malti, il-ħsarat ikkaġunati mill-Maltempata Harry jammontaw għal madwar €128 miljun. Skont ir-regoli tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea, biex pajjiż jikkwalifika għal xi għajnuna minn dan il-Fond, il-pajjiż irid ikun ġarrab ħsarat li ma jkunux inqas minn €121 miljun. L-applikazzjoni ppreżentata minn Malta issa tiġi evalwata formalment mill-Kummissjoni Ewropea li tiddeċiedi dwar kemm huwa konformi mar-regoli tal-Fond u mbagħad tiddetermina x’għajnuna finanzjarja tista’ tingħata Malta.
Id-dokumentazzjoni miġbura għall-applikazzjoni hija eżempju ċar kif bi sforz kollettiv bejn il-Gvern u stakeholders tista’ tintlaħaq mira nazzjonali komuni. F’dan il-każ, Malta qed tressaq każ dettaljat skont il-kriterji u l-limitazzjoni stabbiliti mir-regolamenti tal-EUSF. Permezz ta’ evidenza u analiżi settorjali, ir-rapport jikkonferma s-severità u l-impatt li ħalliet il-maltempata fuq il-pajjiż.
Is-sottomissjoni ta’ din l-applikazzjoni hija l-ewwel pass fi proċess strutturat li permezz tiegħu l-Kummissjoni Ewropea tara x’livell ta’ appoġġ jista’ jingħata l-pajjiżna. Dan il-fond huwa l-istrument ewlieni tal-Unjoni Ewropea li jappoġġja lill-Istati Membri wara diżastri naturali kbar. L-għajnuna Ewropea tikkumplimenta dak li jkun qed jagħmel il-Gvern billi tagħti għajnuna finanzjarja mmirata lejn azzjonijiet essenzjali għall-irkupru mid-diżastru naturali li jkun laqat il-pajjiż.
Meta kkummenta dwar din l-applikazzjoni, il-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi qal li: “Din l-applikazzjoni turi l-impenn attiv tal-Gvern mal-istrutturi ta’ appoġġ Ewropej. Turi wkoll sforz nazzjonali kkordinat li fih l-entitajiet governattivi u s-settur privat ħadmu flimkien biex ġie żgurat li l-ħsarat kollha kkaġunati mill-Maltempata Harry ikunu evalwati u ddokumentati. Din l-applikazzjoni hija l-bidu ta’ proċess. Dan se jkun impenn kontinwu ta’ ħidma mal-Kummissjoni Ewropea u l-istakeholders fiż-żmien li l-applikazzjoni tkun qed tiġi evalwata biex ikun deċiż x’livell ta’ appoġġ ser tingħata Malta. Din mhijiex allokazzjoni awtomatika ta’ fondi iżda pass meħtieġ u strutturat biex ikun żgurat li Malta tingħata l-appoġġ li hija intitolata għalih wara dan id-diżastru naturali.”
Issa, il-Kummissjoni Ewropea tibda l-evalwazzjoni tagħha tal-applikazzjoni ppreżentata minn Malta biex imbagħad tiddeċiedi dwar l-eleġibilità ta’ Malta u x’fondi għandha tingħata.

