Il-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali, Stefan Zrinzo Azzopardi, irrappreżenta lil Malta fil-Konferenza Diplomatika għall-Adozzjoni tal-Konvenzjoni li tistabbilixxi Kummissjoni Internazzjonali tat-Talbiet għall-Ukrajna, li saret f’The Hague, fl-Olanda. Il-konferenza ġiet koospitata mill-Kunsill tal-Ewropa u mir-Renju tal-Olanda, u laqqgħet numru kbir ta’ Stati u organizzazzjonijiet internazzjonali.
Matul din il-Konferenza, ġew iffirmati l-Att Finali u l-Konvenzjoni. B’kollox, 42 pajjiż u l-Unjoni Ewropea ffirmaw l-Att Finali, filwaqt li 34 pajjiż u l-Unjoni Ewropea ffirmaw il-Konvenzjoni, pass li jikkonferma l-impenn wiesa’ tal-komunità internazzjonali favur il-ġustizzja, ir-responsabbiltà u r-riparazzjoni għall-Ukrajna.
Matul l-intervent tiegħu, il-Ministru Zrinzo Azzopardi saħaq li l-adozzjoni ta’ din il-Konvenzjoni tirrappreżenta pass storiku ieħor lejn il-kisba tal-ġustizzja u r-riparazzjoni għall-vittmi tal-aggressjoni illegali u mhux provokata tar-Russja kontra l-Ukrajna. Huwa rrimarka li l-Kummissjoni tat-Talbiet tibni fuq ix-xogħol tar-Reġistru tad-Danni u se tiżgura li l-Federazzjoni Russa, bħala l-Istat responsabbli, tinżamm responsabbli għall-ħsara kkawżata u tagħmel riparazzjonijiet sħaħ skont id-dritt internazzjonali.
Il-Ministru fakkar ukoll fir-rwol attiv li kellha Malta matul il-proċess kollu, inkluż taħt il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Ewropa, meta f’Ottubru li għadda l-Kumitat tal-Ministri approva l-abbozz tal-Konvenzjoni li issa wasal għall-adozzjoni formali tiegħu. Malta hija membru sħiħ tar-Reġistru tad-Danni u se tkompli tikkoopera mill-qrib sabiex dan il-mekkaniżmu internazzjonali jkun effettiv u kredibbli.
Il-Konferenza Diplomatika rat ukoll il-parteċipazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, Alain Berset, kif ukoll tal-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelenskyy, li indirizza lill-parteċipanti u rringrazzja lill-Istati kollha li qed juru solidarjetà konkreta mal-poplu Ukren u qed jappoġġjaw l-ordni internazzjonali. Fil-ftuħ tal-konferenza tkellem ukoll il-Prim Ministru Olandiż, Dick Schoof.
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi temm billi saħaq li Malta se tkompli tkun fuq in-naħa t-tajba tal-istorja, billi tappoġġja l-prinċipji tas-sovranità, l-integrità territorjali, il-paċi u l-istabbiltà fl-Ewropa, u stieden lill-komunità internazzjonali biex tkompli taħdem flimkien sabiex tiġi żgurata ġustizzja sħiħa għall-Ukrajna u l-vittmi tal-aggressjoni.

