Wednesday, June 11, 2025

Malta tappoġġja l-użu etiku tal-Intelliġenza Artifiċjali fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin

Aqra wkoll

Konferenza ta’ livell għoli li ttellgħet f’Malta bħala parti mill-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Ewropa, trattat kif l-Intelligenza Artifiċjali tista’ tkun għodda effettiva fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin.

Il-konferenza kellha relevanza speċjali għal Malta fl-isfond li l-Gvern Malti qiegħed jimplimenta l-istrateġija nazzjonali kontra t-traffikar tal-bniedem li ġiet imnedija s-sena li għaddiet mis-Segretarjat Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi.

Esperti mill-pajjiżi membri tal-Kunsill tal-Ewropa flimkien ma’ rappreżentanti ta’ gvernijiet u għaqdiet volontarji li jaħdmu f’dan il-qasam esploraw kif l-għodod teknoloġiċi jistgħu jservu biex  isaħħu l-kordinazzjoni fuq livell nazzjonali u internazzjonali fil-ġlieda kontra t-traffikar uman, għal protezzjoni tal-vittmi u għal prosekuzzjoni tat-traffikanti tal-bnedmin.

Fil-ftuħ tal-konferenza, is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rebecca Buttigieg qalet li l-użu etiku tal-Intelliġenza Artifiċjali fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin għandu isir b’rispett sħiħ lejn id-drittijiet tal-bniedem u lejn id-dinjità tal-vittmi.

Hija wissiet li anke t-traffikanti tal-bniedem qegħdin jagħmlu użu mit-teknoloġiji innovattiva  u għalhekk essenzjali li din il-pjaga globali, li tiġġenera miljuni ta’ ewro fis-sena għat-traffikanti, tkun trattata b’determinazzjoni mill-gvernijiet u l-awtoritajiet bi strateġija kordinata li tpoġġi fuq quddiem nett l-interessi tal-vittmi.

Is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg qalet li Malta qiegħda timplimenta b’mod attiv it-trasformazzjoni diġitali f’kull settur, inkluż fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-persuni. 

Id-Direttur Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa dwar id-Demokrazija u d-Dinjità Umana, Marja Routanen, iddikjarat l-impenn tal-Kunsill tal-Ewropa li jkompli jagħti l-appoġġ kollu f’dan il-qasam waqt li fakkret fl-20 anniversarju mindu l-Kunsill tal-Ewropa approva l-Konvenzjoni u l-Pjan ta’ Azzjoni kontra t-traffikar tal-bnedmin. Hija qalet li din il-konvenzjoni waslet biex il-pajjiżi membri tal-Kunsill tal-Ewropa għamlu liġijiet u żiedu l-impenn tagħhom biex jikkumbattu t-traffikar tal-bnedmin li huwa wieħed mill-agħar ksur tad-drittijiet tal-bniedem.

Il-konferenza affermat mill-ġdid ir-rieda komuni tal-pajjiżi membri tal-Kunsill tal-Ewropa li jippromovu l-użu tal-għodda diġitali u innovattivi fil-kuntest tal-konvenzjoni ġdida tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-użu tal-Intelligenza Artifiċjali, b’rispett sħiħ għad-Drittijiet Umani, d-Demokrazija u s-Saltna tad-Dritt.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport