Għal darba oħra l-GWU katalista fejn jidħlu dirttijiet tal-ħaddiema
Malta qed taspira li tkun minn tal-ewwel fuq livell Ewropew li jirnexxilha ddaħħal fis-seħħ b’mod legali l-kunċett tar-right to disconnect waqt li fiż-żmien li ġej mistenni jkollna qafas leġiżlattiv dwar ir-remote working. Il-Ministru Carmelo Abela qal li l-uffiċċju tiegħu fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru għaddej b’diskussjonijiet dwar l-ewwel abbozz ta’ qafas leġiżlattiv li jirregola dawn iż-żewġ oqsma.
Qal li din hija sitwazzjoni win-win għal kulħadd u għall-aspirazzjonijiet tal-pajjiż għaż-żmien li ġej li tmur lil hinn minn dan iż-żmien ta’ pandemija tal-Covid-19. Dawn ir-regolamenti legali ser idaħħlu iżjed flessibbiltà għal min iħaddem u għall-ħaddiema stess filwaqt li jistgħu jkunu wkoll ta’ benefiċċju għall-kompetittività ekonomika ta’ pajjiżna, qal il-Ministru Abela, f’laqgħa mat-tmexxija tal-General Workers’ Union (GWU), bħala parti mill-ħidma tiegħu lejn djalogu soċjali miftuħ u onest.
Preżenti għal-laqgħa kien hemm il-president, is-segretarju ġenerali u s-segretarji tat-taqsimiet differenti tal-istess union. Il-laqgħa saret bil-għan li l-ministru jisma’ b’mod dirett dwar diversi oqsma li jmissu l-qasam tax-xogħol u l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema mingħand l-istess segretarji sabiex il-gvern ikompli jieħu l-azzjoni meħtieġa.
Waqt din il-laqgħa ġiet diskussa l-materja tal-futur tax-xogħol. Il-ministru semma li l-futur tax-xogħol huwa diġà magħna u allura huwa meħtieġ li nassiguraw kundizzjonijiet tax-xogħol xierqa. Irrimarka li Malta minn dejjem kienet minn ta’ quddiem biex tipproteġi l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema u rrefera għat-twaqqif tal-minimum wage fejn Malta kienet waħda mill-ewwel pajjiżi fl-Unjoni Ewropea li snin ilu daħħlet il-paga minima nazzjonali. Xi snin ilu, permezz ta’ patt storiku li kien intleħaq, ġie ssiġillat ftehim nazzjonali dwar iż-żieda fil-paga minima nazzjonali. Qal ukoll li fl-istess ftehim, ġiet stabbilita l-Low Wage Commission li bħalissa qed tistudja dak li għaddej f’Malta sabiex tkun tista’ tippreżenta rapport lill-Prim Ministru hekk kif kien deċiż f’dak l-istess patt soċjali.
Il-Ministru Abela tkellem dwar il-ħidma li hemm għaddejja biex issir reviżjoni tal-wage regulation orders li jirregolaw il-kundizzjonijiet tax-xogħol f’setturi differenti ta’ impjiegi u li kienu ilhom ma jiġu aġġornati għal bosta snin. Qal li l-working group imwaqqaf lesta bil-ħidma preliminari tiegħu li jipprova jġib uniformità bejn setturi differenti. Wara jkun imiss li dawn il-proposti jiġu diskussi quddiem l-Employment Relations Board.
Innota li saret ħidma fuq emenda fil-liġi tax-xogħol li tirregola t-Tribunal Industrijali biex dan it-tribunal ikollu ġuriżdizzjoni fuq il-kuntratti definiti u li ser ikun qed jitla’ quddiem il-Parlament fiż-żmien li gej.
Il-Ministru Carmelo Abela rringrazzja lill-GWU għall-ħidma tagħha favur il-ħaddiema u l-kontribut tal-istess union mifruxa fuq numru ta’ snin sabiex il-ħaddiem illum qed igawdi minn kundizzjonijiet aħjar. Ikkonkluda billi assigura li dan ser jibqa’ gvern li jisma’ u li jagħti kas dak li s-sħab soċjali jgħidu ħalli flimkien nibqgħu mexjin ’l quddiem u ntejbu l-kwalità tal-ħajja għall-ħaddiema u għall-familji tagħhom.