Friday, May 8, 2026

MALTA TATTIRA AKTAR INVESTIMENT DIRETT BARRANI

Aqra wkoll

L-investiment dirett barrani huwa meqjus bħala pilastru kruċjali għall-ekonomija ta’ Malta. Dan hekk kif jikkontribwixxi b’mod dirett għat-tkabbir ekonomiku, il-ħolqien tal-impjiegi u anke l-innovazzjoni. 

U f’dan l-isfond, qed naraw lil Malta tkompli tkabbar il-potenzjal tagħha għall-investiment barrani. Fil-fatt, l-aħħar stħarriġ li sar mill-kumpanija Ernst and Young wera kif 79% tal-investituri jikkunsidraw lil pajjiżna bħala attraenti għall-investiment dirett barrani.

Fid-dawl tar-realtajiet preżenti, anke minħabba t-tensjonijiet ġeopolitiċi li għaddejja minnhom id-dinja, il-Gvern Malti qiegħed jibqa’ jisħaq fuq l-għaqal li għandu jiggwida l-ħidma tiegħu sabiex filwaqt li jiġi attirat aktar investiment dirett barrani, dan ikun ta’ valur miżjud li joħloq impjiegi ta’ kwalità.

Dan l-għaqal qiegħed iħalli r-riżultati mixtieqa. Tant hu hekk li din il-ġimgħa tħabbar investiment ġdid ta’ €150 miljun fil-MedTech mill-kumpanija Vantive. Investiment li mistenni joħloq 250 karriera ġdida ta’ kwalità u jsaħħaħ il-pożizzjoni ta’ Malta bħala bażi Ewropea għal industriji avvanzati u ta’ valur miżjud għoli.

Vantive se tkun qiegħda tinvesti f’faċilitajiet moderni ta’ manifattura u riċerka li se jservu bħala ċentru globali għall-produzzjoni ta’ apparat mediku essenzjali tal-plastik u settijiet ta’ apparat konsumabbli meħtieġa għal trattamenti kritiċi fil-kura tal-kliewi. Dan filwaqt li l-kostruzzjoni fuq is-sit mistennija tibda fil-ġimgħat li ġejjin.

Għandna għax nifhmu li biex ġie attirat investiment bħal dan lejn pajjiżna kien hemm bżonn ta’ xhur ta’ ħidma u diskussjonijiet. Għalhekk nilqgħu b’sodisfazzjon l-aħbar li se jkun qed isir investiment ta’ din il-portata, li se jkompli jara lil pajjiżna jiddiversifika u jiggarantixxi li joffri l-aqwa opportunitajiet liż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin. 

Dan kollu jorbot mal-miri importanti li qed ifassal il-Gvern għas-snin li ġejjin. Miri li jwasslu għal aktar suċċessi bbażati fuq il-Viżjoni Malta 2050. Viżjoni li tipprovdi strateġija komprensiva mibnija mill-poplu u li tistabbilixxi pjan għall-prosperità fit-tul ta’ Malta u Għawdex.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport