Saturday, February 1, 2025

Malta tavvanza tliet postijiet fuq l-Indiċi tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli għall-Ewropa

Aqra wkoll

Malta avvanzat bi tliet postijiet biex issa tinsab fl-24 post minn fost 34 pajjiż Ewropew fir-Rapport dwar l-Iżvilupp Sostenibbli fl-Ewropa 2025, maħruġ min-Network tas-Soluzzjonijiet għall-Iżvilupp Sostenibbli (SDSN) u l-Università ta’ Dublin. Dan jimmarka titjib mill-27 post mir-rapport preċedenti.

“Il-progress tagħna juri l-impenn ta’ Malta lejn l-iżvilupp sostenibbli. Filwaqt li niċċelebraw dawn il-kisbiet nibqgħu determinati biex negħlbu l-isfidi li baqa’,” qalet il-Ministru għall-Ambjent Dr Miriam Dalli, u spjegat li minkejja l-avvanzi, Malta qed taffaċċja sfidi simili għal dawk ta’ pajjiżi Ewropej oħra u l-Gvern qed jindirizza dawn in-nuqqasijiet b’policies, inizjattivi settorjali u investimenti mill-ministeri u l-entitajiet kollha.

Il-pożizzjoni ġenerali ta’ Malta fil-qasam tas-sostenibbiltà telgħet minn 59.51% fl-2000 għal 69.33%. Fil-kategorija Leave-No-One-Behind (LNOB), Malta tinsab fil-15-il post b’punteġġ ta’ 76.12%, meta mqabbel ma’ 72.86% fl-2000.

Malta se tippreżenta t-tieni Voluntary National Review (VNR) dwar l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli fil-Forum Politiku ta’ Livell Għoli tal-Ġnus Magħquda fi New York f’Lulju li ġej. Din ir-Reviżjoni, żviluppata mid-Direttorat għall-Iżvilupp Sostenibbli bil-kontribut tal-awtoritajiet lokali, is-soċjetà ċivili, is-settur privat, l-akkademja u ċ-ċittadini, se tiffoka fuq il-progress miksub u tidentifika oqsma fejn hemm bżonn aktar titjib biex tissaħħaħ l-effettività tal-politika u s-sostenn istituzzjonali.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport