Monday, December 23, 2024

Malta Taxi tinvesti f’vetturi li jieħdu s-siġġijiet bir-roti

Aqra wkoll

L-operatur tat-taxis oriġinali, Malta Taxi, li s-sena l-oħra taw xejra ġdida lill-marka tagħhom, u minn dak iż-żmien baqgħu jinvestu f’servizzi u teknoloġija ġdida, għadhom kemm varaw l-aħħar servizz tagħhom għal persuni b’diżabilità. Issa mhux inqas minn ħames taxis lokali ġew mgħammra biex jieħdu siġġijiet bir-roti.

Dan sar bħala rispons għad-domanda lokali, iżda anki biex jippreparaw għaż-żieda fit-turisti li mistennija jżuruna fix-xhur li ġejjin, bil-pjan tagħhom hu li jirduppjaw dak in-numru sal-aħħar tas-sena. Kelliem għal Malta Taxi qal li dan is-servizz ġdid hu parti minn pjan maħsub biex iwessa il-firxa ta’ servizzi li joffru.

“Tista’ tibbukkja dawn it-taxis li jieħdu s-siġġijiet bir-roti permezz tal-mobile app, mis-sit elettroniku www.maltataxi.mt u fuq it-telefon. Issa tieħu inqas ħin biex tasal mill-ajruplan tiegħek malli jiġi Malta sal-lukanda jew ir-residenza tal-għażla tiegħek.

“Fl-ewwel sitt xhur minn mindu varajna l-app, irċevejna iktar minn 20,000 booking. Ovvjament, bħas-soltu, Jannar u Frar – anki minħabba l-Covid – kienu kwieti. Ħadna l-opportunità biex inkomplu ntejbu u noffru valur miżjud bħala parti mill-impenn tagħna biex ngħollu l-livell tas-servizz u biex nuru li aħna differenti minn oħrajn fis-suq bħalissa,” il-kelliem qal.

Fi ftit iktar minn sitt xhur minn mindu Malta Taxi taw xejra ġdida lill-marka tagħhom, l-operatur għamel ħafna bidliet, mhux biss fit-teknoloġija fejn issieħeb ma’ HandsOn Systems, iżda anki mill-aspett ta’ Marketing u s-servizzi li joffru. Kif kien imwiegħed, hemm numru ta’ servizzi oħra li ser jiġu varati dalwaqt.

Fost dawn hemm titjib fl-app għat-Tieni Verżjoni, li għandha iktar titjib fil-funzjonalità u tista’ anki tibbukkja tours. “Qegħdin nipprova nawtomatizzaw ċerti struzzjonijiet fl-app,” kelliem għal HandsOn Systems qal. “L-app qiegħed jgħin is-sewwieqa isegwu ċerti proċeduri. Però l-intenzjoni hi li, qabel ma jibda s-sajf, jiġu organizzati sessjonijiet ta’ taħriġ kemm mill-għadd teknoloġiku u anki minn dak ta’ servizz lejn il-klijent.”

It-tbassir għall-2022 huma pożittivi, hekk kif in-numru ta’ turisti li qegħdin jaslu qiegħed jiżdied. Malta Taxi qegħdin jaraw żieda fil-bookings meta mqabbla mal-2021. “Malta Taxi, flimkien ma’ HandsOn Systems, huma impenjati biex iwasslu valur miżjud u b’hekk itejbu s-servizz waqt li jkomplu jfixklu s-suq tat-taxis f’Malta.”

Bil-kompetizzjoni li hemm kemm minn operaturi internazzjonali u kumpaniji tal-cabs li għandhom iżjed minn 10 snin esperjenza fil-qasam, din hi storja ta’ David u Golija. “Dak li nonqsu fis-set-up u d-daqs, nagħmlu tajjeb għalih fl-aġiltà u ħafna motivazzjoni u entużjażmu.

“Peress li t-taxis intirtu minn ġenerazzjoni għal oħra, is-sewwieqa tat-taxis qegħdin jipproteġu l-għixien tagħhom. Jafu li xi ħaġa kellha ssir u issa qegħdin jeħduha bis-serjetà kbira,” qal kelliem għal Malta Taxi.

Ekonomija

Sport